Internazzjonali

Il-livell tat-tensjoni bejn l-Istati Uniti u l-Ukrajna qed jirrifletti t-theżżiża għall-Alleanzi l-antiki

It-tensjoni bejn Kiev u Washington qatt ma kienet daqshekk akuta u wara li l-Istati Uniti, taħt il-Presidenza ta’ Joe Biden, kienet ipprovdiet lill-Ukrajna bl-ekwivalenti ta’ biljuni ta’ dollari f’armamenti biex l-Ukreni jiddefendu s-sovranità ta’ pajjiżhom quddiem l-aggressjoni tar-Russja.

Intant, il-President Ukren Volodymyr Zelensky fl-aħħar ħinijiet, kien qed jiltaqa’ ma’ Keith Kellog, ir-Rappreżentant tal-President Amerikan Donald Trump dwar l-Ukrajna. Dan meta l-futur tal-poplu Ukren kapaċi jiddependi l-aktar fuq dawn it-tipi ta’ kuntatti ma’ Washington, l-aktar peress li l-President Trump qed jidher dispost li jappoġġja l-pożizzjoni tar-Russja fil-gwerra li dalwaqt se tagħlaq tliet snin.

L-aktar ħaġa importanti għal Trump hu li l-gwerra fl-Ukrajna tieqaf ‘illum qabel għada’ u meta l-President Amerikan, issa, tenna li ‘l-karti kollha jinsabu f’idejn il-Kremlin’ bħala l-fattur deċiżiv li jħoll u jorbot dwar kwalunkwe taħditiet għall-paċi.  Trump spjega din l-attitudni ‘bil-fatt li r-Russi tilfu ħafna suldati filwaqt li ħatfu ammont kbir ta’ territorju Ukren waqt il-konflitt’.

L-osservaturi fil-Punent, sadanittant, innutaw li Trump qed ‘jistqarr u jirrepeti’ l-istess pożizzjoni tar-Russja f’dan il-konflitt anki waqt li l-Kremlin, issa, qed ittenni li r-Russja għandha terġa’ tibda taħditiet mal-Istati Uniti li jitrattaw ‘il-parametri kollha’.

Fl-istess ħin, ir-Russja kompliet tinsisti li bl-ebda mod mhi se taċċetta l-preżenza tat-truppi tan-NATO fl-Ukrajna. Dan wara li l-uffiċjali tal-Punent issuġġerew il-preżenza (fl-artijiet Ukreni) ta’ qawwa għaz-zamma tal-paċi li għandha tgħin biex l-Ukreni jħossuhom aktar fiduċjużi mis-sigurtà f’każ li jintlaħaq ftehim uffiċjali għall-waqfien mill-ġlied.

L-osservaturi huma wkoll inkwetati li l-Istati Uniti tista’ qed tinsisti bil-politika ta’ ‘rikatt’ fil-konfront tal-Ukrajna… sitwazzjoni fejn Washington qed iwiegħed sistema ta’ ‘protezzjoni’ lil Kiev jekk kemm-il darba l-Ukreni jċedulu d-dritt għall-minerali prezzjużi li qed jipproduċi pajjiżhom.

Fil-fatt, Mike Waltz, bħala l-Konsulent Amerikan dwar is-Sigurtà Nazzjonali, ħareġ twissija xotta biex l-Ukrajna ‘tnaqqas mill-kritika għall-Istati Uniti u tfittex tiffirma l-ftehim dwar il-minerali li qed jinsisti biha Donald Trump’.