‘Mhux ser naċċetta li d-drittijiet Ewropej ma jiġux applikati f’Malta. Eluf ta’ residenti ma jistgħux jgħixu fil-paċi bil-livell ta’ ħsejjes. Jista’ jinstab bilanċ bejn attività kummerċjali u dritt tar-residenti li jgħixu ħajjithom. Il-gvern ma jistax jibqa’ jinjora d-drittijiet. Nilqa’ d-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew fejn il-Kummissjoni tintalab tressaq rapport dettaljat dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Ewropea dwar il-ħsejjes f’Malta.’
Il-Kumitat tal-Petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew illum sema’ u ddibatta l-petizzjoni li ressqu l-MEP Peter Agius u l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Albert Buttigieg dwar l-infurzar tad-drittijiet Ewropew dwar Noise Pollution għal ħinijiet ta’ mistrieħ u limiti legali tal-ħsejjes fl-20 ta’ Frar.
Il-petizzjoni tressqet f’isem eluf ta’ residenti, partikolarment ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan u tinsisti għal azzjoni immedjata biex jiġi żgurat kontroll effettiv tal-inkonvenjenti mill-ħsejjes.
Anna Maria Baldacchino mis-Sliema Residents Group, indirizzat il-kumitat tal-Parlament Ewropew u spjegat kif ir-residenti ilhom snin jgħixu ħinijiet twal kuljum bl-inkonvenjent ta’ mużika amplifikata jew xogħlijiet storbjużi fit-toroq. Baldacchino spjegat li kellhom jikbtu lill-Parlament Ewropew għax kull darba li jitolbu lill-awtoritajiet Maltin, dawn dejjem jgħidulhom li ma jistgħu jagħmlu xejn. Dan minkejja li hemm direttivi Ewropej li huma parti mil-liġijiet Maltin li iżda mhux jiġu implimentati.
L-MEP Peter Agius qal li mhux aċċettabbli li n-“Noise Action Plan for Malta Agglomeration 2019-2024” għadu mhux implimentat, u minħabba f’hekk qed iħalli lir-residenti esposti għal livelli eċċessivi ta’ ħsejjes mingħajr protezzjoni. Dan meta, u l-pjani ta’ azzjoni, huma obbligatorji bid-direttivi Ewropew.
Il-Kumitat tal-Petizzjonijiet laqa’ l-petizzjoni u talab lill-Kummissjoni Ewropea tinvestiga n-nuqqas ta’ konformità ta’ Malta, talab l-infurzar tal-kontrolli fuq il-ħsejjes, u tesplora rimedji għal dawk affettwati.
L-MEP Agius qal: “Ejja nkomplu niddefendu d-dritt tagħna għal ambjent aktar kwiet u b’saħħtu għax b’hekk biss ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar”.
//= $special ?>