Lokali

OPINJONI: Illum Jum il-Ġustizzja Soċjali

Dak li baqa’ lura, l-imwarrab, il-fqir, mhux karità għandu bżonn, iżda ġustizzja. Is-soluzzjoni mhix il-politika b’saħħitha, iżda politika ekonomika li tmur lil hinn mill-kapitaliżmu.

mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar

Ilum fil-Parlament ta’ Malta, FLIMKIEN niċċelebraw il-Ġustizzja Soċjali. Illum huwa l-qofol ta’ din il-kampanja għas-sitt sena konsekuttiva, li issa daħlet sew fil-kalendarju annwali tal-Parlament Malti. FLIMKIEN – għax minkejja li ġejjin minn oqsma u opinjonijiet differenti, madankollu din hija konferenza li ġġibna niddiskutu flimkien taħt saqaf wieħed.
Matul l-esperjenzi li se nismgħu din is-sena fil-plenarja tal-Parlament, se nreġu stejjer mill-aktar umani, liema stejjer ġejjin minn qlub, l-għaliex ħadd daqs l-imġarrab ma jista’ jitkellem dwar il-valur tal-Ġustizzja Soċjali.
Huwa inaċċettabbli li fis-soċjetà tagħna għadhom jinħassu ċerti inġustizzji. Illum joħroġ ċar dan il-messaġġ waqt din il-konferenza li mistennija tibda fid-9:30 sal-11:00. Ta’ min isemmi li biex nilħqu udjenza akbar, din is-sena minbarra l-Parliament TV, se tixxandar ukoll fuq Net Television.
Bla dubju ta’ xejn fil-jum tal-Ġustizzja Soċjali se jispikka l-messaġġ taż-żgħir li baqa’ lura fil-ħajja, iż-żgħir, l-imwarrab, il-bniedem sempliċi li jiġri x’ jiġri nitfgħu dejjem it-tort fuqu. Parassiti jeżistu, imma mhuwiex sew li nibdew mill-premessa li kull min jitlob xi forma ta’ għajnuna bilfors ikunu bummers jew abbużivi. Ma naċċetta qatt li hemm min hu mwarrab totalment u hemm min l-opportunitajiet jiġru warajh għax sempliċement għandu kunjomu sabiħ u jixgħel.
Dak li baqa’ lura, l-imwarrab, il-fqir, mhux karità għandu bżonn, iżda Ġustizzja. Is-soluzzjoni mhix il-politika b’saħħitha, iżda politika ekonomika li tmur lil hinn mill-kapitaliżmu.
Mingħajr ma ninstema’ politiku partiġjan (għax mhuwiex il-każ) iżda t-tfittxija ta’ Malta għat-tkabbir ekonomiku akkost ta’ kollox ħolqot forma ġdida ta’ miżerja: il-faqar tal-barranin f’pajjiż li jimminimizza l-qagħda mwiegħra tagħhom u saħansitra jistenniehom ikunu grati għall-opportunitajiet ferm dubjużi li tahom.
Il-ġustizzja soċjali kienet titlobna nippjanaw għal xibka ta’ sigurtà biex anke ħaddiema importati ma jisfawx sfruttati jew imħallsa b’salarji miżerabbli. Meta importaw lil dawn il-ħaddiema nsew jesportaw ukoll id-drittijiet. U r-riżultat ovvju kien li twarrbet id-dinjità ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin u magħha wkoll id-dinjità tal-ħaddiema Maltin.
Il-ħaddiema barranin qegħdin jiġu mbuttati fis-suq iswed għax is-sistema qiegħda tgħaddashom f’xogħol prekarju anke meta jħallsu somom kbar sempliċement biex jibdew jaħdmu f’Malta. Dawn huma vittmi tal-ekonomija tal-lum li qed tisħaq setturi sħaħ tas-soċjetà taħt saqajha.
Quddiem dan kollu, irridu niżguraw li dawk vulnerabbli jiksbu l-appoġġ li jixirqilhom: il-ġustizzja soċjali ma tistax isseħħ mingħajr integrazzjoni. Il-problema strutturali fis-sistema demokratika tibqa’ dominanti, tant li spiss tikkaġuna l-inġustizzji li dawn jiffaċċjaw. Il-fatt li dawn il-ħaddiema ma jivvutawx iżżommhom lura milli jiksbu l-ġustizzja soċjali u għaldaqstant jiġu sfruttati anke meta dawk li jħaddmuhom josservaw bis-sħiħ il-liġijiet fis-seħħ.
Il-fatt li llum il-ġurnata Malta tiddependi minn ħaddiema barranin li jqattgħu ftit snin jaħdmu fil-pajjiż u jħallsu taxxi u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li qatt ma jistgħu jibbenefikaw minnhom inkomplu nperrċu l-kumpass ta’ ’l fejn sejra s-soċjetà tagħna fir-rigward tal-Ġustizzja Soċjali, liema direzzjoni tiżbilanċja l-miżien, l-aktar fejn tidħol l-umanità. Għax meta tisfrutta lill-oħrajn, il-bniedem isir xejn. Ismu jintilef. Iħossu bħal patata żgħira ġo xkora patata.
F’silta mill-Bibbja, magħrufa bħala l-Parabbola tal-Għani u Lazzru, f’kultura fejn l-isem kien importanti ħafna, naraw lil Ġesù jagħti isem lill-fqir, lit-tallab, l-isem ta’ Lazzru. Madankollu l-għani jibqa’ bla isem. F’din il-parrabbola, Ġesù huwa ċar. Qed juri preferenza mal-fqir. Il-fqir li wara mewtu jitla’ s-sema, mentri l-għani jispiċċa fl-infern. Id-deċiżjoni ta’ Ġesù f’din il-parabbola, li jagħti isem lil fqajjar m’għamilhiex b’kumbinazzjoni. L-istess kull min hu devot tal-Ġustizzja Soċjali, la jisfrutta lill-oħrajn u wisq aktar ma juri preferenzi għall-gwadann u l-interess personali tiegħu. Anzi l-preferenza tiegħu tmur lejn iż-żgħir, il-batut, il-vulne rabbli, dak li ma għandu xejn.
Nieħu l-opportunità nirringrazzja lil kull min se jattendi għal din il-konferenza, b’mod speċjali lill-kelliema kollha, lill-Ombudsman, lill-Onor. Graziella Attard Previ, Onor. Rosianne Cutajar, lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u lill-Ministru Michael Falzon.
Grazzi wkoll lill-President tal-Kamra Dr Anġlu Farrugia u lill-istaff kollu tiegħu, tal-koperazzjoni kontinwa biex setgħet tittella’ din il-konferenza. Grazzi lill-udjenza preżenti. Il-preżenza ta’ kull persuna hija sinjal ċar ta’ messaġġ lis-soċjetà li “aħna qegħdin hawn biex f’Malta tirrenja l-Ġustizzja Soċjali”.
Nemmen li mhix faċli, imma flimkien xejn mhu impossibbli.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 20 ta’ Frar, 2025.