Il-grupp terroristiku Palestinjan Ħamas, għall-ewwel darba, irritorna l-katavri tal-ostaġġi li mietu f’kundizzjonijiet ta’ priġunerija mindu daħal fis-seħħ il-waqfien mill-ġlied ma’ Iżrael wara aktar minn sena ta’ gwerra fil-Medda ta’ Gaza.
Il-vittmi kienu nħatfu ostaġġi meta l-Ħamas immassakraw il-mijiet tal-Iżraeljani waqt ir-rejds storiċi tas-7 ta’ Ottubru tal-2023 f’Iżrael – u bit-trasferiment tal-katavri tagħhom qed jixpruna sens ta’ luttu fuq livell nazzjonalii.
Dan ukoll waqt li l-awtoritajiet Iżraeljani qalu li jridu jikkonfermaw l-identitajiet tal-katavri ladarba jgħaddu mill-proċess forensiku obbligatorju.
Wara li l-katavri kienu trasferiti minn Gaza lejn Tel Aviv, il-President Iżraeljan, Isaac Herzog, qal li ‘qalb in-nazzjon hu mimli bid-dulur’ waqt li, f’messaġġ fuq il-midja soċjali talab apoloġija ‘għall-fatt li l-Istat ma rnexxilux iġib lura lil dawn l-ostaġġi meta huma kienu għadhom ħajjin’.
Il-Ħamas qal li tlieta mill-katavri huma ta’ omm u ż-żewġ uliedha tfal waqt li l-ieħor hu ta’ attivist veteran għall-paċi.
Il-grupp terroristiku Palestinjan, proprju nhar is-Sibt se jeħles sitt ostaġġi oħra skont il-patt ma’ Iżrael – u meta l-Iżraeljani qegħdin jeħilsu l-għexieren tal-Palestinjani mill-ħabs bħala waħda mill-kundizzjonijiet għall-paċi relattiva f’Gaza.
//= $special ?>