Jannar laqa’ s-sena l-ġdida b’temperaturi ogħla mill-medja u b’temp iżjed xott min-norma klimatika. Fil-fatt, it-temperatura medja matul l-ewwel xahar tas-sena kienet dik ta’ 14.5°C, jiġifieri 1.6°C gradi ogħla mill-medja.
L-ogħla temperatura tax-xahar tkejlet fis-27 ta’ Jannar, meta baqgħet tielgħa sa 19.4°C. Anke jekk pjuttost sħuna, erba’ snin ilu, jiġifieri f’Jannar tal-2021, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel l-ogħla temperatura għal dan ix-xahar meta l-merkurju baqa’ tiela’ sa 25.8°C.
Mill-banda l-oħra, il-lejl l-aktar kiesaħ kien dak tas-16 ta’ Jannar, meta t-temperatura niżlet għal 7.2°C. Iżda l-aktar temperatura kiesħa li qatt tkejlet matul ix-xahar ta’ Jannar tibqa’ dik tal-1981, hekk kif kienet niżlet sa 1.4°C.
It-temp sħun kien akkumpanjat ukoll minn temp pjuttost stabbli, ħlief għal nofs Jannar, meta sistema ta’ pressjoni baxxa fiċ-ċentru tal-Mediterran kienet ġabet magħha riħ qawwi u maltempati bis-sajjetti.
Matul ix-xahar ta’ Jannar, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 69.2 mm xita, 10.1 mm inqas mill-kwota ta’ Jannar, filwaqt li resqu fuq il-Gżejjer Maltin żewġ maltempati bis-sajjetti, tnejn inqas min-norma.
Il-qawwa medja tar-riħ kienet fl-istess livell tan-norma klimatika (8.9 knot). L-aktar jum mirjieħ kien is-17 ta’ Jannar, meta r-riħ laħaq il-qawwa ta’ riefnu. Dakinhar tkejlet ukoll l-aktar buffura tar-riħ b’saħħitha tax-xahar, li laħqet il-45 knot u nefħet mix-Xlokk.
L-istess ġurnata kienet ukoll l-aktar waħda mdallma tax-xahar, flimkien mal-4 ta’ Jannar. F’dawn il-jumejn, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel inqas minn siegħa waħda xemxija. Mill-banda l-oħra, l-aktar jum imdawwal kien is-27 ta’ Jannar hekk kif matul il-ġurnata tkejlu 8.9 sigħat xemxin.
//= $special ?>