Lokali

Jibqa’ jattakka lill-Eks Prim Imħallef Silvio Camilleri

Il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard qed jibqa’ jattakka lill-Eks Prim Imħallef Silvio Camilleri. Dan wara li l-Gvern ħabbar li se jdaħħal restrizzjonijiet fl-inkjesti maġisterjali – mossa li se tkun qed tirristrinġi d-drittijiet taċ-ċittadini milli jiftħu inkjesta.

F’kummenti lil Net News, il-Ministru baqa’ jattakka lill-Eks Prim Imħallef Silvio Camilleri… li esprima t-tħassib serju tiegħu dwar din is-suppost riforma.

Fl-aħħar jiem, anke l-Kamra tal-Avukati u l-Kamra tal-Kummerċ flimkien mal- Eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino… ilkoll esprimew tħassib dwar l-għaġla li biha qed tiddaħħal din il-liġi, u l-fatt li tnaqqar mid-drittijiet tal-poplu.

Minkejja dan, il-Ministru Jonathan Attard stqarr li lanqas mal-Kamra tal-Avukati ma jaqbel.

Lura f’Diċembru li għadda, permezz ta’ post fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li sforza lill-Ministru Jonathan Attard sabiex jgħaġġel ilesti r-riforma fl-inkjesti maġisterjali.

Imbagħad fl-aħħar ta’ Jannar, tħabbret uffiċjalment li se jkun qed jitressaq abbozz sabiex tiġi emendata l-liġi – tibdil li fi ftit ġranet wasal sal-istadju tat-Tieni Qari fil-Parlament. Proċess li bosta ddefenixxew bħala wieħed mgħaġġel immens, tant li tqajmu dubji serji dwar il-mottiv wara din il-liġi, fosthom anke mill-Partit Nazzjonalista – li se jkun qed jivvota kontra din il-liġi fil-Parlament.