Raġel ta’ 45 sena minn Ħal Qormi ffranka erba’ snin ħabs u €74,000 f’depożiti u garanziji personali mill-Qorti tal-Appell li rrevokat sentenza ta’ erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li pprova jisraq mid-dar ta’ anzjana f’Tas-Sliema.
Christopher Scerri, magħruf bħala “Buttuni”, tliet ġimgħat ilu kien iffranka wkoll ħames snin u nofs ħabs fuq diversi każijiet oħra li kien tressaq il-Qorti fuqhom. L-Imħallef Neville Camilleri sema’ l-appell tal-każ fuq akkużi li pprova jisraq mid-dar tal-mara f’Tas-Sliema waqt li kienet barra għall-quddies u minkejja li kkonferma l-ħtija, ħeles lir-raġel milli jservi sentenza ta’ priġunerija.
Il-Qorti semgħet kif, meta waslet lura mill-knisja, il-mara kienet sabet il-bieb ta’ barra tagħha sgassat u d-dar tagħha miftuha beraħ. Kienet marret tfittex €2,000 li kienet ilha żżomm f’envelope, li iżda, fortunatament ma ntmissux. L-envelope kien iżżerżaq taħt gwardarobba minħabba l-kommossjoni li r-raġel kien ikkawża waqt li kien qed ifittex mad-dar kollha, kienet semgħet il-Qorti.
Scerri kien inqabad fuq CCTV cameras, u ġie identifikat minħabba flokk aħmar li kien liebes fil-ħin tal-inċident, liema ġirien kienu lemħuh hekk kif ħareġ mir-residenza tal-mara. Huwa nstab ħati wkoll li sar riċediv.
Il-Qorti kienet mitluba sabiex tagħti piena aktar ekwa u ġusta għaċ-ċirkostanzi tal-każ. Il-Qorti għamlet riferenza għall-fatti li jirrigwardaw tentattiv ta’ serqa f’dar fi Triq Santa Rita, Tas-Sliema. Kien konfermat li l-mara kienet ħarġet biex tmur il-quddies.
Ftit wara waqt li l-ġirien tagħha kienu qed jitkellmu fit-triq, huma raw tnejn minn nies għaddejjin mit-triq. Meta marru jaraw indunaw li l-bieb tal-vittma kien miftuħ u għalhekk ippruvaw jimxu wara n-nies li raw mexjin iżda dawn kienu laħqu għebu.
Sadanittant jirriżulta li l-mara ġiet infurmata b’dan il-fatt u hija reġgħet marret lura lejn id-dar tagħha. Hija kkonfermat li ma kien insteraq xejn mid-dar minkejja li kien hemm ħafna taqlib. Id-difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono, qalet li l-Prosekuzzjoni serrħet il-każ kollu tagħha mill-identifikazzjoni tal-kulur tal-flokk, xhieda mogħtija minn żewġt irġiel li kienu fil-post, kif ukoll mill-filmati li ġew elevati.
Dwar ix-xiehda ta’ Martin Vella, l-akkużat isemmi dik il-parti fejn kien qed jitkellem ma’ sieħbu Salvatore Azzopardi li qalu li kienet issabbtet il-grada tal-ġara u li minħabba f’hekk huma ddeċidew li jaraw jekk
kienx ġara xi ħaġa.
L-akkużat jispjega li minn din ix-xhieda jirriżulta li x-xhud ma rax wiċċ il-persuna u għalhekk jgħid li l-każ
tal-Prosekuzzjoni huwa wieħed dgħajjef. L-istess japplika għax-xiehda mogħtija minn Salvatore Azzopardi
meta dan jgħid li huwa ra lill-ħallelin minn wara.
Minbarra dan, jgħid li dawn iż-żewġ xhieda lanqas jgħidu li raw lil Scerri ħiereġ mid-dar tal-mara iżda jgħidu li raw persuni mexjin fit-triq mingħajr ma jagħmlu xi movimenti suspettużi. Dwar il-filmati tas-CCTV, id-difiża qalet li ma tressaqx il-persuna li eleva tali filmati.
Ilmentat ukoll li l-Prosekuzzjoni naqset ukoll milli tagħmel pjanta tat-triq fejn jiġu indikati l-punti saljenti
tal-każ sabiex wieħed ikun jista’ jifhem id-dinamika tal-każ. Ingħad ukoll li lanqas ma ġie ppruvat jekk tali filmati jkoprux it-triq kollha u jekk setax jgħaddu xi persuni oħra li setgħu nqabdu mill-filmati.
Provi b’saħħithom mid-difiża
Id-difiża spjegat ukoll li tali filmati lanqas huma prova ammissibbli u ttenni li l-Prosekuzzjoni tippunta lejn Scerri minħabba li huwa kien liebes flokk aħmar u li kien għaddej mit-triq. Tisħaq ukoll li mill-atti proċesswali jirriżulta li huwa kien miexi b’mod trankwill u li ma kellu xejn f’idu u li għalhekk huwa improbabbli li kien ipprova jisraq minħabba li meta persuna tipprova tisraq ma tmurx idha f’idha.
Id-difiża qajmet ukoll il-punt li l-Prosekuzzjoni naqset milli televa l-‘finger prints’. Ikompli li għalkemm skont il-Prosekuzzjoni huwa daħal fid-dar tal-mara, il-prosekuzzjoni ma sabet l-ebda finger
print li torbtu mal-post tar-reat.
Ingħad ukoll li la fil-vettura u lanqas fid-dar tiegħu ma nstab xejn li seta’ jindika li kien involut f’tentattiv
ta’ serqa. Argumenta wkoll li kien l-obbligu tal-prosekuzzjoni li tressaq l-aqwa prova u l-aktar prova sħiħa u sodisfaċenti u jkompli jingħad li l-filmat tas-CCTV u x-xhieda mressqa ma jistgħu qatt iwasslu lil din il-Qorti għal konvinċiment morali li hu kellu involviment f’dan ir-reat.
Fix-xiehda mogħtija mill-parte civile hija tgħid li sabet kullimkien imqalleb. Għalhekk jidher li l-akkużat u
l-kompliċi tiegħu kienu ppruvaw iwettqu tali serqa. Il-Qorti qalet li hija tal-fehma li huma waqfu milli jkompli jwettqu din is-serqa minħabba li minkejja li qalbu d-dar ta’ taħt fuq huma ma sabu xejn.
Il-Qorti tal-Appell qalet li mill-atti proċesswali jirrizulta li għalkemm Scerri ħareġ mid-dar in kwistjoni mingħajr ma seraq xejn ma jistax jingħad li huwa flimkien mal-kompliċi tiegħu ma ppruvax iwettaq is-serqa.
Għalhekk fil-fehma tal-Imħallef Neville Camilleri l-fatt li s-serqa ma kellhiex suċċess ma kienx dipendenti fuq ir-rieda tal-akkużat iżda fuq il-fatt li l-parte civile kienet kapaċi taħbi l-affarijiet ta’ valur b’mod effettiv u għalhekk id-delitt ma ġiex esegwit minħabba xi ħaġa aċċidentali u indipendenti mill-volonta’ tal-akkużat.
Il-Qorti kkonkludiet li l-attentat ta’ serqa setgħet damet madwar 10 minuti u dana peress li l-parte civile tgħid li damet ħames minuti biex timxi lura u għalhekk kienet ftit il-bogħod mid-dar tagħha. F’dan il-ħin il-ħallelin kellhom jistennew li l-parte civile titbiegħed mid-dar tagħha, jiftħu l-bieb u jqallbu d-dar.
Dan huwa wisq xogħol għal persuna waħda biex jitwettaq f’daqshekk qasir żmien. Għalhekk bilfors kellhom jipparteċipaw tnejn minn nies għal din l-attività. L-Imħallef Camilleri qal li dwar il-piena mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati, il-Qorti tal-Appell tinnota li, wara li ġie ppreżentat ir-rikors tal-appell ta’ Scerri, huwa għamel talba sabiex il-Qorti tassumi l-funzjoni ta’ Qorti dwar id-Droga.
Din it-talba ġiet milqugħa fejn il-Bord ta’ Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga informa lill-Imħallef Camilleri, li kien sodisfatt bil-proċess ta’ riabilitazzjoni ta’ Scerri fejn għalaq il-każ tiegħu b’suċċess.
Fedina penali raffrettarja imma miexi fit-triq it-tajba
Il-Qorti tal-Appell meta wiżnet kollox qalet li ma tistax ma tinnutax ukoll in-natura tal-akkużi fil-konfront tal-akkużat li ġew kollha ppruvati, il-fedina penali tiegħu li hija waħda refrattarja, il-fatt li l-imputazz’jonijiet fil-konfront ta’ Scerri jmorru lura għas-sena 2018 u għad-dewmien li ħadu l-proċeduri sabiex jiġu konklużi.
Ittieħdet ukoll konsiderazzjoni li “matul is-snin kien hemm perjodi fejn l-imputat żamm ‘il bogħod
mid-droga iżda jidher li l-motivazzjoni li jieqaf, u anke li jbiddel l-istil ta’ ħajtu seħħet madwar sentejn ilu ‘l hawn meta hu sofra minn attakk tal-qalb.
“F’dak iż-żmien, apparti kura medika meħtieġa, l-imputat kien ibbenefika minn kura psikjatrika u kura relatata mal-użu tad-droga u fil-fatt l-użu kien baqa’ biss okkażjonali. Huwa qiegħed ukoll jipprova jippjana għal futur. Kemm ilu l-ħabs, testijiet għal sustanzi illeċiti rriżultaw li ma ħax droga”.
Il-Qorti smmiet ukoll il-fatt li jirriżulta li l-unika kawża li Scerri għandu pendenti quddiem il-Qorti hija l-kawża appellata. Il-fatt li jirriżulta li l-Bord tar-Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga informa li l-Qorti li kienet sodisfatta bi-lproċess ta’ riabilitazzjoni tal-appellant fejn huwa għalaq il-każ tiegħu b’suċċess.
Għaldaqstant il-Qorti tal-Appell qalet li hija tal-fehma li Scerri huwa kandidat idoneu sabiex, fuq bilanċ ta’ probabbilitajiet li r-reati li dwarhom l-appellant ġie misjub ħati kienu prinċipalment attribwibbli għad-dipendenza tiegħu fuq id-droga,.
Għaldaqstant il-Qorti biddlet il-piena ta’ priġunerija mogħtija mill-Ewwel Qorti fir-rigward tal-imputazzjonijiet fil-konfront tal-appellant għal waħda sospiża. Filwaqt li ġiet ikkonfermata s-sentenza mill-Qorti tal-Maġistrati fejn sabet lill-appellant ħati tal-akkużi kollha fejn kien ġie kkundannat b’kollox erba’ snin priġunerija, Ikkundannat lil Scerri għall-perijodu ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Ġew irrevokati wkoll u ffrankati lill-akkużat is-somma ta’ €74,000.
Għal Christopher Scerri dehru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit.
//= $special ?>