Lokali

Jitħabbru d-dettalji tal-programm tal-Karnival ta’ Malta 2025

Il-programm tal-Karnival ta’ Malta 2025 ġie mniedi uffiċjalment waqt konferenza tal-aħbarijiet. Din is-sena, l-avvenimenti ewlenin tal-Karnival ta’ Malta ser iseħħu fil-Belt Valletta u l-Furjana bejn it-28 ta’ Frar u l-4 ta’ Marzu, filwaqt li bħal kull sena ser jittella’ l-karnival fil-Ħamrun bil-parata tradizzjonali tal-baned fi Triq il-Kbira San Ġużepp, nhar it-23 ta’ Frar.

Il-Karnival ta’ Malta jiġbed eluf ta’ nies, kemm minn pajjiżna kif ukoll minn barra li jżuru gżirietna apposta għal dan l-avveniment tradizzjonali. Din is-sena l-programm uffiċjali ser jinkludi 18-il kumpanija taż-żfin kompetittivi, 14-il karru trijonfali, 3 karrijiet tal-kumpaniji, il-Kummissjoni tal-Karru Re, 5 installazzjonijiet u maskerun.

Il-Karnival qed ikompli jikber sena wara oħra, bis-saħħa tal-impenn u d-dedikazzjoni ta’ dawk li jaħdmu fuqu biex jagħmluh suċċess. Il-programm nazzjonali tal-Karnival jeħtieġ sħubija bejn diversi entitajiet governattivi, NGOs u voluntiera. Grazzi għal dan kollu, il-Karnival Malti jista’ jitgawda minn kulħadd b’mod sigur u spettakolari,.

L-attivitajiet jinkludu sfilati, wirjiet u festi marbuta mal-ikel tradizzjonali tal-Karnival, fost oħrajn.

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal: “Kull sena, Festivals Malta tieħu ħsieb u torganizza l-programm nazzjonali tal-Karnival ta’ Malta li jkun organizzat fil-Belt Valletta, il-Furjana u f’diversi postijiet oħra. Il-Karnival minn dejjem kien jattira eluf ta’ nies lejh, biss ninnota l-qabża f’dik li hija kwalità li għamel il-Karnival f’dawn l-aħħar snin. Żgur li din is-sena mhux ser tkun eċċezzjoni, għaliex qed nippreparaw li noffru avvenimenti tal-ogħla livell u kwalità. Nirringrazzja lil dawk kollha involuti għall-ħidma tagħhom sabiex għal sena oħra l-Karnival ta’ Malta jkun wieħed ta’ suċċess.”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, semma kif it-tħejjijiet u l-ippjanar għall-Karnival jibqgħu għaddejjin matul is-sena kollha u dan huwa rifless fiż-żieda fil-kwalità li kull sena qed jilħaq il-Karnival Malti. Kompla kif il-Karnival huwa wieħed mill-akbar avvenimenti f’pajjiżna u rringrazzja lil dawk kollha involuti biex jittella’ b’suċċess dan l-avveniment.

Il-programm ta’ din is-sena huwa mżewwaq kemm b’attivitajiet tradizzjonali bħall-Qarċilla li din is-sena ser isseħħ b’reċta bil-pinna ta’ Michael Spagnol (Kelma Kelma), u bid-direzzjoni u l-produzzjoni ta’ Joseph Galea fi Triq l-Ordinanza, fil-Belt Valletta.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku tal-Karnival Jason Busuttil stqarr: “Reġa’ wasal iż-żmien tant mistenni kemm mid-dilettanti kif ukoll mill-pubbliku li jattendi l-Karnival bi ħġaru. Sena wara oħra sirna naraw livell dejjem jogħla fuq kollox kemm karrijiet, żfin u kostumi. Żgur li l-Karnival Malti għandu futur sabiħ ħafna hekk kif qed ninvestu kemm fil-parteċipanti li jikkompetu kif ukoll f’bosta kunsilli lokali biex dan il-festival jibqa’ b’saħħtu.”