Lokali Qorti

Meħlus minn każ ta’ vjolenza domestika wara li martu qalgħet li kienet “qed tesaġera”

Raġel ta’ 29 sena residenti San Pawl il-Baħar, ġie illiberat wara li tressaq il-Qorti fuq allegazzjonijiet u rapporti ta’ vjolenza domestika, iżda l-mara talbet biex il-każ jitwaqqaf. Martu għamlet rapport ta’ vjolenza domestika kontrih nhar it-Tnejn li għadda,

Hu ġie mixli li kkawża biża’ lill-mara li kienet se tintuża vjolenza kontriha u allegatament heddidha fiżikament. Wara li sar ir-rapport, il-mara għaddiet minn Risk Assessment li indika li kienet f’riskju għoli ħafna.

L-Ispettur Omar Zammit spjega li wara dan, inħareġ mandat ta’ arrest, u meta l-aggressur ġie mitlub jersaq lejn id-Depot tal-Pulizija, huwa deher akkumpanjat mill-istess martu. Hija immedjatament esprimiet ix-xewqa li r-raġel ma jiġix arrestat jew imressaq il-Qorti.

Il-mara telgħet tixhed quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, fejn talbet biex il-każ jitwaqqaf, u sostniet li tixtieq tirranġa l-affarijiet ma’ żewġha. Matul ix-xhieda tagħha, hija enfasiżżat li ħadet id-deċiżjoni b’mod liberu u li ma taħsibx li r-raġel kien se jweġġagħha.

L-Ispettur staqsieha għaliex waqt ir-Risk Assessment kienet qalet li temmen li r-raġel tagħha jista’ jasal joqtolha. Hawn hija qalet li dak il-ħin kienet qed tesaġera. Wara li semgħet ix-xhieda tal-mara u t-talba tagħha biex ma tingħata l-ebda protezzjoni, il-Qorti laqgħet it-talba u għalqet il-każ.

Għar-raġel deher l-Avukat Ibtisam Sadegh.