“Mingħajr ġid komuni u governanza tajba, m’hemmx ġustizzja soċjali”.
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervent li wassal fil-Parlament waqt il-konferenza dwar il-ġustizzja soċjali, organizzata mx-Shadow Minister Ivan Bartolo u fakkar kif ma jistax ikollok ġustizzja soċjali f’pajjiż li jinsterqu flus il-poplu, u bi Gvern li jinjora liġijiet li huma bżonjużi.
Bernard Grech fakkar ukoll kif il-ġustizza soċjali tiġi indirizzata billi jkollok il-kuxjenza,i l-libertà u l-kuraġġ li tieħu d-deċiżjonijiet.
Huwa semma’ kif persuni li huma tant fil-bżonn kellhom iduru fuq id-donazzjonijiet tan-nies, filwaqt li l-Gvern qed iberbaq flus il-poplu mingħajr rażan.
Minn naħa tiegħu, Angelo Micallef, mill-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista, spjega kif l-isfidi qed jolqtu lil kull faxxa tas-soċjetà tagħna. Fejn enfasizza li għandna nagħtu l-għajnuna kollha lill-professjonisti tagħna, sabiex ma jkunx hawn gaps fis-soċjetà.

Tkellem ukoll l-Ombudsman Parlamentari, l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon li spjega kif it-tixrid tal-ġustizzja soċjali għandu jibda minn liġijiet tajbin u infurzar. Hu fisser li l-uffiċċju tiegħu huwa wieħed li jirsisti għas-saltna tad-dritt u l-verità … li tisarraf f’ġustizzja.
Minn naħa tagħha, ix-Shadow Minister Graziella Attard Previ spjegat kif il-gustizzja hija bbazzata fuq il-kompassjoni, l-imħabba u l-empatija. Elenkat numru ta’ problemi fis-soċjetà li jikkontribwixxu għan-nuqqas ta’ ġustizzja soċjali – fosthom missirijiet li huma mċaħħda milli jaraw it-tfal tagħhom, nisa li jesperjenzaw vjolenza domestika u tfal li lanqas għandhom il-bżonnijiet bażiċi.

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia tenna li huwa importanti li naraw x’inhu jiġri madwarna anke fuq livell internazzjonali, sabiex verament naħdmu fuq l-inġustizzji soċjali.
Preżenti għal din id-diskussjoni kien hemm ukoll il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, Anne Marie Grech u bosta membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra, fosthom id-deputat Laburista Rosianne Cutajar u l-Ministru Michael Falzon flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid McKay.
//= $special ?>