Lokali

Nuqqas ta’ aċċess għall-mediċina tal-kanċer, u inġustizzji soċjali oħra

Huma kiefra l-inġustizzji soċjali li jesperjenzaw nies li jbatu mill-kanċer, hekk kif nofs il-kura biss tingħata mill-Gvern. Tant li dawk li jeħtieġu l-kura jħossuhom li huma “nofs ċittadin”.

Dan ġie spjegat minn Lara Said, pazjenta tal-kanċer, waqt konferenza nazzjonali li saret fil-jum tal-ġustizzja soċjali fil-Parlament u li kienet organizzata mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.

Ritratt: Martin Agius

Lara Said fissret kif f’Malta, xorta għad hemm nies li jingħataw il-flus biex jixtru l-kura mill-Community Chest Fund. U b’hekk qed jiġu mċaħħda mid-dritt ta’ aċċess ugwali għall-kura.

Ritratt: Martin Agius

Minn naħa tagħha, Francesca Bartolo qasmet l-esperjenza tagħha bħala donatur tal-organi, u insistiet biex il-Private Members Bill li ressaq ix-Shadow Minister Ivan Bartolo dwar l-opt-out-system tiġi implimentata malajr kemm jista’ jkun.

Ritratt: Martin Agius

Sam Delia, student ta’ 20 sena li qed jistudja l-Università ta’ Malta, spjega li kull persuna ħaqqu għajxien edegwat, u dan ifisser saqaf fuq rasu, xi ħaġa bażika li llum ma għadhiex daqshekk sempliċi u aċċessibbli.
Hu għamel referenza għall-prezzijiet tal-proprjetà li kontinwament qed jogħlew – tant li il-proprjetà f’Malta hija fost l-ogħla fl-Ewropa… u ż-żgħażagħ lanqas għandhom biżżejjed flus biex iħallsu d-depożitu.

Ritratt: Martin Agius

Matthew Attard, President tas-Soldarjeta Union Ħaddiema u Inkwilini, semma’ lista ta’ problemi li l-inkwilini, li ma jħallsux il-kera fil-ħin qed jiffaċċjaw ruħhom magħhom. Hu saħaq li l-kirjiet qed jiżdiedu b’madwar 7% fis-sena – tant li hemm min qed jispiċċa jikri kamra flok appartament… jew sodda flok kamra.

Ritratt: Martin Agius

Nauman Lativ, student Musulman, tkellem dwar kemm l-iżvilupp morali fost iż-żgħażagħ huwa importanti għal kultura b’saħħitha u fakkar li ż-żgħażagħ tal-lum huma l-futur ta’ għada.

Ritratt: Martin Agius

Gaetano Vella, tkellem f’isem numru ta’ residenti li qed jgħixu fi blokka ta’ appartamenti li qed jiffaċċjaw problemi minħabba l-lifts. Fejn hu spjega kif inħolqot anomalija fejn f’ċertu appartamenti jiġu installati xi lifts u f’oħrajn le – anka jekk dawn ikunu identiċi.

Ritratt: Martin Agius

Charmaine Mangion, il-President tal-Consultive Council for Women Rights, tkellmet dwar kif in-nisa minkejja li jaħdmu għadhom qed jieħdu l-maġġoranza tal-piż tat-trobija tat-tfal, u sostniet li għandha titneħħa l-ħtija minn fuq ommijiet li jagħżlu li jibagħtu lit-tfal fiċ-childcare centres.

Ritratt: Martin Agius

Francesco Ascano, missier ta’ tifla li twieldet b’kundizzjoni tal-qalb, spjega kif meta informa lill- awtoritajiet dwar il-problemi tiegħu ħass li ma ngħatax l-attenzjoni meħtieġa u li għalhekk spiċċa kellu jġorr ħafna sfidi waħdu.

Ritratt: Martin Agius

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll minn David Sammut, missier ta’ iben li kellu dipressjoni severa, li spjega kif wara li miet ibnu baqa’ bla risposta dwar x’wassal għal din il-mewta. Stqarr li f’pajjiiżna l-ġustizzja mhux xi ħaġa awtomatika, hekk kif hu ntalab iħallas madwar elfejn ewro biex jingħata l-file tal-inkjesta tal-Qorti; ammont ta’ flus li ma kienx jaffordja.

Ritratt: Martin Agius

Tkellmet ukoll Madalene Cucciardi dwar l-inġustizzji fil-pensjonijiet u Andrew Izzo Clarke li tkellem dwar l-informazzjoni kontrollata.

Ritratt: Martin Agius