Lokali

OPINJONI: Ivan Bartolo u l-Ġustizzja Soċjali

Din il-ġimgħa għaddejja l-kampanja importanti dwar il-Ġustizzja Soċjali frott l-inizjattiva tal-Onorevoli Ivan Bartolo fiċ-ċentru. (Ritratt: Catriel Farrugia)
Minkejja li l-ekonomija qed tikber, xorta għandna l-faqar, xorta għandna l-kċejjen li jitimgħu lil dawk li huma litteralment imġewħin, għandna l-housing soċjali, għandna nies li jaqilgħuha u jiekluha, li jġebbdu kull ewro tal-pensjoni, li ma jifilħux jibdew familja

minn Mark A. Sammut Sassi

Dil-ġimgħa għaddejja l-kampanja importanti frott l-inizjattiva tal-Onorevoli Ivan Bartolo (tal-Mosta) dwar il-Ġustizzja Soċjali.

Ingħatali l-unur niftaħ dil-kampanja nhar it-Tnejn li għadda, fil-Kamra tal-Oppożizzjoni fil-Parlament. Fost il-kelliema l-oħrajn kien hemm Graziella Galea u Justin Schembri; ippresjeda s-sessjoni, Albert Buttigieg; ilkoll Deputati Nazzjonalisti.

F’dal-artiklu, nixtieq nippubblika d-diskors tiegħi tat-Tnejn:

Il-lum m’għadux moda ssemmi lil Ġesù. Anzi, iqisuk eżaltat jew iffissat. Jiddieħqu bik. B’danakollu, irrid nitkellem dwar il-filosofija fil-kliem ta’ Ġesù ta’ Nazaret, għax fuqha nbena l-Punent.

Filosofikament – saħansitra antropoloġikament ingħid – aħna lkoll Insara, ukoll min ma jemminx. It-tagħlim ta’ Ġesù hu l-bażi kemm tat-teoriji politiċi li jnebbħu l-istituzzjonijiet tad-demokrazija liberali kif ukoll tas-sistemi legali tal-Punent kif evolvew matul is-sekli.

Mhux biss għax id-Demokrazija Kristjana u s-Soċjaliżmu Demokratiku t-tnejn imnisslin – direttament jew indirettament – mill-Kristjaneżmu. Imma wkoll għax l-osservazzjonijiet ta’ Ġesù huma veritajiet dejjiema u universali. Ngħidu aħna, li l-ogħla regola etika hi li tħobb lil għajrek bħalek innifsek. U li l-foqra se jibqgħu dejjem magħna. Dawn huma veritajiet dejjiema u universali.

Il-kunċett ta’ ġustizzja soċjali hu mibni – f’fehmti – fuq iż-żwieġ ta’ daż-żewġ osservazzjonijiet: filwaqt li hu minnu li l-foqra dejjem se jibqgħu magħna, l-ogħla regola etika hi li tħobb lil għajrek bħalek innifsek. Il-loġika tat-tqegħid ta’ daż-żewġ osservazzjonijiet waħda ma’ ġenb l-oħra bilfors tindika li tħobb kemm tħobb lil għajrek bħalek innifsek, il-faqar u l-foqra se jibqgħu dejjem magħna.

Xorta, l-imperattiv etiku hu li tħobb lil għajrek bħalek innifsek – u mbagħad għall-bqija, tħalli lil kulħadd iħaddem it-talenti li tah Alla… osservazzjoni oħra tal-filosofija ta’ Ġesù ta’ Nazaret.

Il-Konferenza li jorganizzaw Ivan Bartolo u t-tim tiegħu hi tentattiv ta’ mħabba lejn l-għajr. Ma naħsibx li l-Onorevoli Bartolo jilludi ruħu li se jsolvi l-problemi tal-faqar. Imma hu tentattiv prezzjuż, għax Ivan Bartolo jfakkarna sena wara l-oħra, b’wiċċu minn quddiem, li hi l-ogħla regola etika li nħobbu lil għajrna bħalna nfusna. Li allura nifhmuh lil għajrna, u li nippruvaw ngħinuh.

X’inhu l-faqar?

Qed nitkellmu biss dwar faqar materjali, dwar ġuħ, għaks, u għera? Jew qed nitkellmu wkoll dwar faqar morali? Hemm bosta tipi ta’ faqar. Il-ħobż u s-saqaf mhumiex biżżejjed, għad li huma l-bżonnijiet l-aktar tal-qiegħ.

Imma fuqhom hemm bżonnijiet oħrajn li n-nuqqas tagħhom jissarraf f’faqar. U r-regola etika tal-imħabba lejn għajrek tridna nżommu għajnejna miftuħin biex naraw kif ngħinu lil min jesperjenza l-faqar biex dik l-esperjenza ntaffuhielu u forsi saħansitra jiġri li b’xi mod joħroġ minnha.

Bilfors kelli niftaħ billi nirreferi għall-Kristjaneżmu u għat-tagħlim ta’ Ġesù. Mhux għax din hi attività reliġjuża jew għax irridu r-reliġjon fil-politika. Imma għax, kif għedna, iċ-ċivilità oċċidentali hi msejsa fuq il-viżjoni Nisranija tad-dinja. Min jgħid il-kontra, f’fehmti ma jifhem xejn.

Ftaħna bil-Kristjaneżmu wkoll għax l-esperjenza kollettiva tal-Punent tindika li l-mogħdijiet li għaddew minnha s-soċjetajiet kienu marbutin mill-qrib mal-Kristjaneżmu.

M’għandix għalfejn nirreferikom għall-kitbiet tas-soċjoloġija dwar il-kapitaliżmu u l-etika Protestanta jew għall-kitbiet tal-Istorja tad-Dritt dwar l-għeruq evanġeliċi tal-liġi tal-kuntratt – u bosta u bosta eżempji oħrajn li jikkonfermaw li minkejja li s-soċjetà moderna b’xi mod saret post-Kristjana, l-għeruq għadhom Insara u l-viżjoni għadha mlewna bil-prinċipji etiko-legali li wieħed isib fil-Vanġeli u fl-elaborazzjoni Nisranija ta’ kunċetti Greko-Rumani.

Spakkatura storika fil-Punent: ir-Rivoluzzjoni Franċiża

Fi Franza tar-Rivoluzzjoni (1789-99), il-Gvern Rivoluzzjonarju ried inaqqas il-poter temporali tal-Knisja. Ħatt kemm felaħ kappelli, knejjes, u monasteri u mbagħad żarma s-sistema ta’ karità tal-Knisja.

Kien hemm mhux biss raġunijiet ta’ ġustizzja soċjali (fil-forma primittiva tagħha) imma wkoll skopijiet politiċi wara dan – il-Gvern Rivoluzzjonarju Franċiż ried jaqta’ saqajn dak li x’aktarx kien l-akbar għadu tiegħu: l-apparat sħiħ tal-Knisja Kattolika, li fir-Rivoluzzjoni lemħet miġjet ix-Xitan fid-dinja.

Il-Gvern Rivoluzzjonarju twebbel li l-Istat seta’ jġorr fuq spallejh il-piż tal-ġustizzja soċjali, li l-Istat jista’ jsolvi l-problemi tal-faqar. Fallielu bil-kbir. Il-Gvern Rivoluzzjonarju ma damx ma ntebaħ li l-Knisja l-karità ma kinitx tagħmilha biss b’riħet l-għexur u d-dieċmi; imma wkoll kellha forċina tal-għaġeb bil-volontieri, li jagħtu xogħolhom – xogħol li jiswa flejjes kbar – mingħajr ħlas, għax ħlashom jinsab fit-twemmin fil-ħajja ta’ dejjem.

L-istorja tal-Istat u l-faqar f’Malta

Fi żmien il-Kavallieri, meta Malta kellha Stat paternalista, il-Gvern tal-Kavallieri kien jagħmel ħafna karità mal-Maltin, iroxx il-flus. Mhux biss għax kien Stat paternalista imma wkoll għax il-Kavallieri kienu Ordni reliġjuż. Dal-għemil tnaqqax fil-memorja kollettiva.

Meta ġew l-Ingliżi, il-Maltin ħasbu – anzi, stennew – li l-Gvern kolonjali se jkun hu wkoll Gvern paternalista, li jiftaħ idejh u jitma’ lill-imġewħin, ilibbes lill-għerjin, u joffri kenn lil ta’ bla saqaf, wens lix-xwejħin, fejqan lill-morda u l-marradin, trobbija lill-iltiema, u faraġ lir-romol u l-magħkusin.

Li ma setgħux jobsru l-Maltin kien li l-Imperu Ingliż kien Imperu liberali, li ma jemminx fis-solidarjetà soċjali iżda f’kulħadd għal rasu, is-suq isuq, min jiflaħ iħawwel, survival of the fittest.

F’dal-klima ultra-kompetittiv, il-fqir kien meqjus biss bħala piż, balla mas-saqajn, għażżien, ħalliel, kważi kważi kriminal talli hu fqir – għax min jaħdem jaqla’ x’jiekol u allura min ma jaqlax x’jiekol għax hu mmexxi mill-ħjiena.

Il-kunċetti ta’ skwilibriji sistemiċi fis-soċjetà, ta’ mard, ta’ networks, u – meta tagħsar kollox – ta’ xorti ħażina, kienu kunċetti li s-soċjetà Vittorjana sidt l-Imperu qajla tathom importanza.

Kellu jkun il-Kristjaneżmu li fl-Ingilterra ġab il-wens u l-faraġ liż-żgħir, lill-vulnerabbli, lill-imwarrbin. Fl-Ingilterra – il-kapitali dinjija tal-kapitaliżmu li jaqa’ u jqum mill-fqar – l-utopija ta’ Marx ma fannditx għeruq. Il-ġustizzja soċjali fl-Ingilterra ġiet l-aktar b’riħet l-Insara.

Malta kienet fl-Imperu Ingliż, fejn ir-Reġina tilbes il-kuruna tal-glorja iżda x-xettru tal-poter iżommu f’idu l-Liberaliżmu. Is-soluzzjoni għall-faqar f’Malta kienet l-emigrazzjoni, l-ewwel lejn l-Alġerija u t-Tuniżija, u mbagħad lejn il-Kanada u l-Awstralja (u bnadi oħrajn).

Il-lum

Avolja għadha sseħħ, l-emigrazzjoni minn Malta m’għadhiex fenomenu tal-massa. Minflok, qed jemigraw bosta ħaddiema barranin lejn Malta. Għax, qed jingħadilna, l-ekonomija qed tikber.

Imma minkejja li l-ekonomija qed tikber, xorta għandna l-faqar, xorta għandna l-kċejjen li jitimgħu lil dawk li huma litteralment imġewħin, għandna l-housing soċjali, għandna nies li jaqilgħuha u jiekluha, li jġebbdu kull ewro tal-pensjoni, li ma jifilħux jibdew familja… Il-ġid ekonomiku – jingħadilna – qed jikber, imma fil-pajjiż hawn min irid idaħħal l-abort (l-eħfef mezz li bih il-foqra jeħilsu mill-ħluq żejda mal-mejda tal-ikel).

F’Malta li stagħniet, fejn il-Maltin suppost saru sinjuri żgħar, hawn problemi ġodda bid-depressjoni u l-ansjetà, bil-billboards iħeġġu liż-żgħażagħ ma jsuqux jekk pejpu l-ħaxixa, biż-żgħażagħ li qatgħu qalbhom iġibu t-tfal fid-dinja, bl-istudenti li l-edukazzjoni jeħduha mill-pornografija u jaħsbu li n-norma hi dak li jaraw fil-films.

Il-faqar jibdel wiċċu

Mill-faqar tal-għaks ta’ żmien l-Ingliżi evolvejna għall-faqar tal-familji mkissra, tal-missirijiet iddisprati ma jarawx lil uliedhom, tal-valuri tat-tajjeb u l-ħażin li emigraw lejn dinja oħra u flokhom ġew lejn xtutna valuri oħrajn li jqiegħdu lill-Ekonomija qabel il-Bniedem u jirriduċuh għal Riżorsa Umana.

Malta taħt l-Ingliż kienet f’Imperu – dak Ingliż – liberali. Malta Indipendenti Repubblika Ħielsa tinsab f’Imperu – dak Globali – neo-liberali.

B’dil-Konferenza, Ivan Bartolo u t-tim tiegħu tefgħu l-ispotlight fuq il-kriżijiet ta’ żminijietna. Hi kontribut prezzjuż għall-isforz biex jittaffa u jonqos il-faqar, u forsi nittrattaw lil xulxin ta’ aħwa. B’mogħdrija, ħniena, u mħabba wieħed lejn l-ieħor.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 20 ta’ Frar, 2025.