Għawdex Kultura Lokali

Teatru Astra jħabbar il-kast ta’ Fiddler on the Roof

It-Teatru Astra se jtella’ t-tmien musical tiegħu, il-klassiku Fiddler on the Roof fil-21, 22, 23, 28, 29, u 30 ta’ Marzu 2025. Dan l-appuntament annwali jiġbor flimkien kast u tim kreattiv straordinarju, li joffru esperjenza indimentikabbli.

L-artist veteran Mark Tonna se jieħu r-rwol ikoniku ta’ Tevye, karattru simpatiku u filosofiku. B’karriera li testendi fuq għexieren ta’ snin u palkijiet madwar id-dinja, Tonna se jkun qed jagħti l-ħajja lil dan il-karattru tant maħbub. Sa mill-bidu tal-karriera tiegħu, Tonna esplora x-xena mużikali f’diversi oqsma, kemm bħala membru ta’ bands lokali, kif ukoll bħala solista. Hu kiseb ukoll diversi unuri, inkluż nominazzjonijiet għal ‘Best Male Singer’ fil-Malta Music Awards.

L-attriċi Pia Zammit se tirritorna lura fuq il-palk tat-Teatru Astra biex tinterpreta r-rwol prinċipali ta’ Golde, il-mara għaqlija u ta’ qalb kbira ta’ Tevye. Magħrufa għall-prestazzjonijiet vibranti tagħha fi musicals bħal West Side Story u Chicago fost ħafna oħrajn, il-preżenza qawwija tagħha fuq il-palk, flimkien mal-umoriżmu ta’ Zammit, jippromettu li jżidu fond u seħer lil dan il-karattru.

Lisa Baldacchino se tinterpreta r-rwol ta’ Tzeitel, il-bint il-kbira ta’ Tevye. L-esperjenza ta’ Baldacchino fix-xena tal-palk lokali tinkludi opri kif ukoll musicals bħal Grease u pantomimi bħal Beauty and the Beast, kif ukoll xogħol wara l-kwinti u dak li jinvolvi d-direzzjoni tal-palk. L-esperjenza vasta tagħha tiżgura interpretazzjoni b’saħħitha u affaxxinanti.

Hannah Spiteri, wiċċ familjari ieħor fit-Teatru Astra, ser tkun qed tinterpreta r-rwol ta’ Hodel, it-tieni bint ta’ Tevye. Wara l-prestazzjoni eċċellenti tagħha f’West Side Story f’Marzu li għadda, Spiteri se tkun qed tirritorna wkoll bħala d-dance captain tal-produzzjoni. L-esperjenza tagħha fix-xena tal-musicals żgur li se tagħti spinta lill-prestazzjoni tal-kast kollu.

Nina Galea, fl-ewwel rwol prinċipali tagħha, se tkun qed tinterpreta t-tielet bint ta’ Tevye, Chava. Għalkemm għadha relattivament ġdida fix-xena tat-teatru lokali, id-dedikazzjoni u t-talent ta’ Galea ġew enfasizzati fi produzzjonijiet riċenti bħal West Side Story u Cabaret. Galea mistennija tagħti prestazzjoni li se tkun punt tat-tluq għal karriera promettenti.

George Curmi, magħruf lokalment bħala l-Pusè, se jieħu r-rwol ikoniku tat-titular Fiddler, li jinkarna l-qalb u r-ruħ tat-tradizzjonijiet ta’ Anatevka bid-daqq tradizzjonali tal-vjolin.

Dan il-musical se jittella’ taħt id-direzzjoni artistika ta’ Christopher Gatt. Id-direzzjoni mużikali se tkun, għall-ewwel darba f’idejn Maestro George Apap.

Jagħmel ir-ritorn tiegħu Francesco Nicodeme bħala koreografu. Id-direzzjoni vokali se tkun immexxija minn Cathy Lawlor, filwaqt li l-kor se jkun immexxi minn Sylvana Attard.

Biljetti jinsabu disponibbli u jistgħu jinxtraw online fuq teatruastra.org.mt.