Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qed jagħmilha ċara li lest jieħu n-naħa tar-Russja proprju fi żmien meta l-konflitt fl-artijiet Ukreni se jagħlaq tliet snin mindu l-ewwel truppi u tankijiet (fl-24 ta’ Frar tal-2022) qasmu mill-fruntiera lejn l-Ukrajna għall-invażjoni li xokkjat lid-dinja.
It-tieni Presidenza ta’ Trump, sadanittant, qed tkun iddominata minn politika ta’ avviċinament mar-Russja. Politika perikoluża u imprevedibbli li qed theżżeż l-Alleanzi globali li ilhom stabbiliti għal għexieren ta’ snin u meta l-futur tal-Punent – u b’mod partikulari l-Ewropa – qatt ma kien daqshekk imċajpar fiċ-ċirkustanzi.
Wara li l-Ukrajna kienet eskluża mill-aħħar taħditiet bejn l-Istati Uniti u r-Russja li suppost għandhom iwasslu għat-tmiem tal-gwerra, il-President Trump tenna ċar u tond, li l-Ukreni għandhom iġorru l-ħtija għal dan il-konflitt. Dan filwaqt li hu prova jpinġi lill-Gvern ta’ Kiev bħala ‘l-aggressur’ għaliex ma aċċettax li jagħti l-konċessjonijiet lill-Kremlin ta’ Vladimir Putin li jrid jaħtaf dejjem aktar artijiet lill-Ukreni.
Iżda l-aktar kumment xokkanti ta’ Trump kienet ir-referenza għall-President Ukren, Volodymyr Zelensky, bħala ‘dittatur’ u li ma ħalliet l-ebda dubju dwar l-atteġġjament ostili tal-Gvern ta’ Trump fil-konfront tal-President Ukren u pajjiżu.
Dritt wara l-kumment, numru ta’ Mexxejja Ewropej ħarġu jikkritikaw ‘dan il-kliem mhux meqjus’ waqt li ddefendew il-leġittimità demokratika ta’ Zelensky.
Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Scholz, qal li jkun żball jekk wieħed jiċħad il-kredenzjali demokratiċi ta’ Zelensky bħala Mexxej magħżul mill-poplu waqt li l-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, enfasizza li Zelensky kien elett President permezz ta’ vot demokratiku – aspett li, awtomatikament, jelimina l-kunċett ta’ ‘dittatur’.
Il-Prim Mininstru Żvediż, Ulf Kristersson, ukoll qal li l-użu tal-kelma ‘dittatur’ min-naħa ta’ Trump kien skorrett, filwaqt li l-Ministru tal-Ġermanja għall-Affarijiet Barranin, Annalena Baerbock, fissret din ir-referenza għal Zelensky bħala waħda ‘assurda’.
Daqstant voċiferu kien il-President Franċiż Emmanuel Macron, li insista biex id-drittijiet tal-Ukreni jkunu rispettati u biex l-Ukrajna ‘bi dritt’ tkun inkluża dejjem f’taħditiet li jaffettwaw lilha diirettament.
//= $special ?>