Lokali

Arrestati żewġt irġiel b’rabta mas-serqiet minn banek tal-lottu

Investigazzjonijiet b’rabta maż-żewġ serqiet li seħħew nhar it-Tlieta filgħaxija f’banek tal-lottu f’Birkirkara u Burmarrad, wasslu biex ġew arrestati żewġt irġiel li allegatament kienu involuti fiż-żewġ serqiet.

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li wieħed mill-irġiel, li ġie identifikat bħala Serb, allegatament daħal fiż-żewġ banek tal-lottu armat b’sikkina u wettaq is-serqa, waqt li r-raġel l-ieħor, li ġie identifikat bħala Sirjan, kien qiegħed jistenna barra f’vann.

Wara li ġie identifikat il-vann li ntuża, kompliet it-tfittxija għaż-żewġ persuni fejn il-vettura nstabet ipparkjata barra residenza f’San Pawl il-Baħar, li wasslet għall-arrest tas-Sirjan f’San Pawl il-Baħar u għall-arrest tas-Serb minn residenza fil-Mosta.

Waqt li ż-żewġ persuni qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana, għal aktar investigazzjonijiet, l-istħarriġ tal-Pulizija kif ukoll l-inkjesta Maġisterjali għadhom għaddejjin.