L-Ewropa għandha tkun ambizzjuża, tingħaqad flimkien u twettaq ir-riformi meħtieġa biex issaħħaħ lilha nfisha u lill-Istati Membri għall-ġejjieni. Dan hu kruċjali biex noħolqu ambjent aktar favorevoli għan-negozji żgħar u biex tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.
Dan sostnih ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriza Jerome Caruana Cilia waqt li kien qiegħed jindirizza Membri Parlamentari mill-Unjoni Ewropea kollha waqt il-Konferenza Interparlamentari dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni Ekonomika u l-Governanza fl-Unjoni Ewropea li saret fi Brussell.
Waqt dawn id-diskussjonijiet, il-Membri Parlamentari ddiskutew il-prijoritajiet tal-UE biex tippromwovi t-tkabbir, il-kompetittività u l-istabbiltà, it-titjib tal-kompetittività tal-UE permezz tas-Suq Uniku, il-politika ta’ innovazzjoni, regolamentazzjoni aħjar u impjiegi ta’ kwalità u l-isfidi ġeopolitiċi li qed taffronta l-Unjoni Ewropea fil-preżent u kif din għandha tirrispondi għalihom.
Dan hekk kif l-Unjoni Ewropea qed issib quddiemha sfidi ekonomiċi globali li mhux biss huma kbar iżda qed jinbidlu b’ritmu mgħaġġel, b’pajjiżi bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina javvanzaw b’rata mgħaġġla ħafna fl-innovazzjoni u t-teknoloġija, partikolarment l-intelligenza artifiċjali.
F’din id-diskussjoni, l-Onor Caruana Cilia kien qiegħed jirrappreżenta lill-Parlament Malti flimkien mad-Deputat Carmelo Abela min-naħa tal-Gvern. “Kif smajna, l-Unjoni Ewropea qed taqa’ lura meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Dan jimpatta lill-pajjiżi kollha fl-Ewropa, inkluż lil Malta”, sostna d-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.
Id-Deputat Nazzjonalista esprima l-viżjoni tiegħu għall-Ewropa, bil-ħsieb ewlieni jibqa’ kif din tista’ tħares l-interess taċ-ċittadin u s-sidien tan-negozji ż-żgħar. Fid-diskors tiegħu bil-lingwa Maltija, huwa appella biex l-Ewropa tikseb l-awtonomija strateġika tagħha fid-dawl tal-isfidi kbar li hemm barra. Dan jista’ jseħħ permezz ta’ koperazzjoni akbar fl-enerġija, l-innovazzjoni u d-difiża, fost oħrajn, li jgħinu biex noħolqu Ewropa aktar b’saħħitha u reżiljenti.
Fakkar ukoll fir-rapport riċenti tal-Eks Prim Ministru Taljan u l-Eks President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi li jenfasizza li, mingħajr passi deċiżivi, l-Ewropa qed tirriskja l-benesseri, l-ambjent u l-awtonomija tagħha. Draghi jisħaq li hemm bżonn investiment annwali ta’ bejn €750 u €800 biljun, bejn 4.5% u 4.7% tal-PGD tal-UE , biex insaħħu l-innovazzjoni, u niżguraw sigurtà industrijali.
Huwa sejjaħ biex b’mod partikolari biex l-Ewropa tkun aktar innovattiva, u tagħlaq id-distakk f’dan ir-rigward ma’ kompetituri tagħha.
“Punt fundamentali fir-rapport hu li rridu nnaqsu l-innovation gap. L-Ewropa trid tiffoka fuq kif tista’ tgħaqqad ir-riċerka ma’ soluzzjonijiet prattiċi fis-suq, speċjalment f’setturi bħall-intelliġenza artifiċjali u l-quantum computing,” spjega id-Deputat Caruana Cilia. Dan jitlob mhux biss iż-żieda fl-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, iżda wkoll li noħolqu ambjent aktar favorevoli għan-negozji żgħar u l-istart ups sabiex jiffjorixxu fi ħdan is-suq tagħna.
“Dan ma jfissirx biss impenn finanzjarju, iżda strateġija meħtieġa biex nerġgħu nsaħħu s-Suq Uniku u noħolqu tkabbir sostenibbli. Dan kollu jirrikjedi mhux biss riżorsi finanzjarji, iżda wkoll rieda politika u iktar għaqda fost l-Istati Membri”.
Id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia insista biex mill-kliem ngħaddu ghall-fatti: “il-kompetittività tagħna tiddependi fuq strateġija industrijali koerenti. Irridu nsaħħu l-awtonomija strateġika tagħna. Kemm ilna nisimgħu dwar dan?! Mill-kliem irridu ngħaddu għall-fatti”.
Jerome Caruana Cilia ltaqa’ mal-istess Mario Draghi kif ukoll mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.
//= $special ?>