Ambjent Lokali Unjoni Ewropea

Il-bdiewa Maltin ifaħħru l-azzjonijiet li ħa l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

Wara l-ħafna protesti madwar l-Ewropa s-sena l-oħra, l-UE ħarġet dokument importanti. U probabbilment għall-ewwel darba, qiegħda verament tindirizza l-problemi tal-bdiewa u r-raħħala – inkluż f’Malta.

Dan intqal mill-Għaqda Bdiewa Attivi f’komunikat li ġie ppubblikat ftit tal-ħin ilu.

L-Għaqda qalet li fl-aħħar, l-Ewropa ħarġet dokument li mhux mimli ħolm u fantażiji imma li jitkellem dwar fejn trid tmur l-UE jekk verament trid tgħin lill-bdiewa.

X’qed iwiegħed dan id-dokument? Fost affarijiet oħrjn, dan id-dokument iwiegħed li:

1. Mhux se jiġu ttollerati prattiċi fejn il-bdiewa jkollhom ibiegħu l-prodotti tagħhom bi prezz aktar baxx mill-ispejjeż biex ikabbruh.

2. Se jkun hemm aktar trasparenza dwar kif il-konsumatur qed iħallas ċertu prezz għal ikel partikolari u l-profitti ta’ dak il-prezz fejn qed imorru (jekk hux għand il-bidwi jew għand nies oħra fil-katina tal-ikel).

3. Is-sapport finanzjarju tal- Ewropa se jkun qed jgħin aktar lil dawk il-bdiewa li huma involuti fil-produzzjoni tal-ikel attivament.

4. Prodotti minn pajjiżi minn barra l-Ewropa li għandhom bexx maqtugħ mill-Unjoni Ewropea għax instab li huwa perikoluz ħafna, mhux se jitħallew jidħlu.

5. Il-Kummissjoni Ewropeja se tkun qed tikkunsidra jekk taqtax aktar bexx mis-suq jekk ma jkunx hemm alternattivi ta’ prodotti oħrajn għal dik il-problema li l-bexx ikun qed jindirizza.

Interessanti li dan id-dokument jisħaq li “dipendenzi fuq pajjizi oħrajn qed isiru vulnerabbilitajiet” u allura għandna nagħtu aktar importanza ghas-sovranità tal-ikel tagħna.

“L-Unjoni Ewropea fl-aħħar qed tindirizza realment il-problemi tal-bdiewa tagħha”, stqarret l-Għaqda Bdiewa Attivi. “L-isforzi ta’ għexieren ta’ eluf ta’ bdiewa u raħħala li ħarġu fit-toroq tal-Ewropa kollha biex isemmgħu lehinhom beda jrendi l-frott.”