Lokali Qorti

Jikkontestaw l-iżgumbrament tagħhom minn Forti Bengħajsa

Numru ta’ persuni li qed jokkupaw il-Forti Bengħajsa qed jikkontestaw it-tkeċċija tagħhom fil-qorti, bl-argument li għandhom dritt jibqgħu minkejja li l-kirja tagħhom skadiet fl-2011. Iktar kmieni dan ix-xahar, l-Awtorità tal-Artijiet ħabbret il-pjani tagħha li terġa’ tieħu l-pussess tal-Forti Bengħajsa u “tgħaddiha lura lin-nies”.

Il-forti protett fi Grad 1 ilu s-snin użat illegalment bħala residenza. L-ewwel kien ingħata biex jintuża bħala razzett tal-baqar. L-Awtorità tal-Ippjanar ressqet ukoll avviż ta’ infurzar kontra l-okkupanti fl-2016 talli bnew djar u garaxxijiet illegali. Dak l-avviż ta’ infurzar jibqa’ attiv.

L-Awtorità tal-Artijiet kienet bagħtet ittra lil disa’ individwi fejn talbithom ibattlu l-proprjetà; Emanuel Ellul, Louis Vella, Julian Vella, George Louis Vella, Joelene Grima, Richard Azzopardi, Josephine Norman, George Borg u Doris Borg intalbu jitilqu kollha.

Il- qorti semgħet argumenti mill-avukat li jirrappreżenta lil dawk l-individwi, li qed jikkontestaw l-iżgumbrament tagħhom minn porzjon tal-art li inizjalment kienu mikrija fl-1981 għat-trobbija tal-baqar. Dik il-kirja skadiet fl-2011.

Sostnew li għandhom dritt jibqgħu hemm peress li ħallsu l-kera sa Marzu tal-2025. L-avukati li jirrappreżentaw lill-Awtorità tal-Artijiet argumentaw li l-art kienet oriġinarjament mogħtija lill-individwi għat-trobbija tal-baqar taħt ftehim ta’ kera kummerċjali.

Madankollu, minn dakinhar ikkonvertiwh f’użu residenzjali de facto mingħajr il-permess tal-awtorità. Il-każ huwa ppresedut mill-Imħallef Audrey Demicoli. L-Avukat Amadeus Cachia jirrappreżenta lil persuni li qdd jgħixu fil-Forti. L-Avukati Maurice Meli u Stefano Filletti qed jirrappreżentaw lill-Awtorità tal-Artijiet.