Għawdex Lokali

Jitħabbar il-Karnival f’Għawdex – Festa ta’ kreattività, briju u spettaklu li jattira bosta viżitaturi lejn il-gżira

Il-Karnival ta’ Għawdex 2025, festa tradizzjonali sinonima mal-kreattività, il-briju u l-ispettaklu. Il-qofol tal-Karnival Reġjonali t’Għawdex se jkun fil-belt kapitali, Victoria, fejn matul erbat ijiem, bejn it-28 ta’ Frar u l-1, it-2 u l-4 ta’ Marzu, se jsiru sfilati u żfin għat-tgawdija tal-pubbliku. Fit-3 ta’ Marzu se jkun hemm diversi ċelebrazzjonijiet madwar l-irħula Għawdxin.

Għawdex qed jipprepara biex jilqa’ wieħed mill-aktar avvenimenti mistennija tas-sena, hekk kif se jipparteċipaw madwar 1,000 individwu fi 12-il kategorija differenti, inkluż erba’ baned, maskaruni, u karrijiet karnivaleski.

Il-Karnival Reġjonali se jinfetaħ b’parata spettakolari fi Triq ir-Repubblika, fejn il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi wirja ta’ kuluri, mużika u divertiment. L-attivitajiet tal-karnival se jkomplu jinxterdu madwar Għawdex, b’diversi lokalitajiet jorganizzaw ċelebrazzjonijiet uniċi.

Fost l-attivitajiet ewlenin hemm il-Karnival organizzat tan-Nadur, li se jsir fit-23 ta’ Frar bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u l-Kunsill Lokali. Din iċ-ċelebrazzjoni tinkludi sfilata fi Triq Diċembru 13 u spettaklu fil-pjazza, b’kostumi, żfin umoristiku, żfin għat-tfal, gruppi ta’ żfin għall-kbar, maskaruni u ħafna aktar. Il-jum se jintemm bil-Kukkanja tradizzjonali.

Minbarra dan, Għawdex huwa magħruf għall-Karnival Spontanju tan-Nadur, li jsir wara nżul ix-xemx fit-toroq ċentrali tal-lokalità u din is-sena se jittella’ bejn it-28 ta’ Frar u l-4 ta’ Marzu. Dan il-Karnival uniku mhux organizzat uffiċjalment, iżda l-Ministeru u l-Kunsill jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-attendenza kbira tiġi kkontrollata u ordnata. Din il-lejla spettakolari tiġbed eluf ta’ nies, li jħaddnu l-ispontanjetà tal-festa b’maskli makabri, antiki, satiriċi u moderni, kif ukoll karrijiet kreattivi.

Jitħabbru d-dettalji tal-programm tal-Karnival ta’ Malta 2025 – NETnews