Lokali Qorti

Konfermata sentenza fil-konfront ta’ mara li kriet kamra bl-inkwilin imut kawża ta’ heater tal-gass

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri ma laqgħetx appell ta’ mara li kienet instabet ħatja mill-Qorti tal-Maġistrati għall-mewt ta’ persuna li kien qed jikri kamra mingħandha f’darha stess fil-Fgura.

Ir-raġel Kamil Pawel Tomaszewksi kien tilef ħajtu f’Diċembru tal-2021, kawża ta’ avvelenament bil-monossidi tal-karbonju, meta bela’ gass tossiku minn heater. Il-Qorti semgħet kif Miriam Consiglio kriet kamra tas-sodda lil Tomaszewksi fuq bażi ta’ ‘bed and breakfast.’

Hija qalet li kmieni filgħodu fis-6 ta’ Diċembru bdiet tisma’ l-iżveljarin tiegħu jibqa’ jdoqq, u għalhekk marret tħabbatlu mal-bieb tal-kamra iżda baqgħet bla risposta. Dak ħin bdiet ixxomm riħa ta’ gass, u għalhekk sejħet għall-għajnuna.

Fuq il-post marru l-Pulizija u l-Protezzjoni Ċivili, u meta fetħu l-bieb sabu lir-raġel mejjet fuq is-sodda. Il-heater kien mitfi iżda l-buttuna kienet imdawra fuq it-tieni livell. L-ewwel Qorti sabet lil sid il-kera ħatja li b’nuqqas ta’ ħila jew b’nuqqas ta’ tħaris ta’ regolamenti kienet ikkaġunat il-mewt ta’ Tomaszewski, u mmultatha €4,000.

Il-mara appellat mis-sentenza, fejn saħqet li kienet spjegat sew lill-vittma biex meta juża l-heater jiftaħ il-bieb tal-gallarija, u li m’għandu qatt jorqod bih mixgħul, iżda huwa kien injora l-istruzzjonijiet tagħha. Dwar il-fatt li dan il-heater parikolari kien ġie rtirat mis-suq, qalet li ma kinitx taf li kien difettuż, u li apparti minn hekk, id-difett li suppost kellu l-heater ma kienx relatat mal-ħruġ tal-gass.

Fix-xhieda tiegħu żewġha kkonferma li dan il-heater ġieli ntuża fi kmamar oħra minnhom u minn uliedhom. Il-koppja qalu li kieku kienu jafu li kien difettuż ma kinux se jużawh huma stess. Il-Qorti tal-Appell filwaqt li qablet mas-sentenza tal-Ewwel Qorti, osservat li l-mara kienet konxja tar-riskju tal-heater tant li qalet li kienet irrepetiet mal-vittma r-regoli dwar kif jintuża’ l-heater.

Qalet ukoll li skont espert tal-Qorti, il-heater beda jaħraq il-gass ħażin, u kien jidher li huwa difettuż għax fuqu kien akkumula trab abjad li kien ilu hemm. Qieset ukoll li skont espert tal-Qorti, tali heater ma jistax jintuża f’kamra magħluqa u għalhekk ma kellu qatt ikun fil-kamra tas-sodda.

Il-Qorti tal-Appell ikkonċediet li Consiglio verament setgħet ma kinitx konxja li l-heater kien difettuż, iżda kienet fir-responsabbiltà tagħha li tieħu ħsieb il-manutenzjoni tiegħu, speċjalment minħabba li kien ilu ma jintuża diversi xhur. Għal dawn ir-raġunijiet l-appell ġie miċħud.