Filwaqt li l-Istati Uniti qed iżżid il-pressjoni fuq l-Ukrajna biex taċċetta ftehim għall-paċi mar-Russja ‘akkost ta’ kollox’, il-qawwiet tal-Kremlin komplew bl-attakki fuq iz-zoni ċivili tal-Ukreni.
Dan waqt li l-uffiċjali fi Kiev ikkonfermaw li nqatlu talanqas 20 mill-missili u d-drones tar-Russi….Bumbardamenti li ma naqsux f’perjodu ta’ 24 siegħa u li fihom intlaqtu numru ta’ djar u infrastruttura kruċjali għall-ħajja normali.
L-attakki tar-Russi konċentraw fuq ir-reġjuni ta’ Donetsk, Kherson, Nikopol u Zaporizhzhia – bl-uffiċjali f’Moska jitkellmu b’ton trijonfali dwar l-aħħar żviluppi fil-gwerra tal-Ukrajna.
L-arja ta’ trijonfaliżmu fost ir-Russi hi wkoll sinifikanti meta l-Istati Uniti tidher li qed tħares aktar lejn l-Ukrajna – milli r-Russja – bħala l-aggressur responsabbli mill-konflitt. Dan minkejja li kienu l-qawwiet tal-President Russu, Vladimir Putin, li, fl-24 ta’ Frar tal-2022 invadew l-artijiet tal-Ukrajna għal offensiva militari totali fuq pajjiż sovran u indipendenti.
L-aħħar attakki tar-Russi fuq Donetsk wasslu għall-evakwazzjoni ta’ mill-anqas 200 ċivili. Dan fost rapporti li d-drones tar-Russja laqtu wkoll il-faċilitajiet tad-dawl fir-reġjuni ta’ Kiev u Potlava.
Sadanittant, il-qawwiet tal-ajru Ukreni issa qed jgħidu li waqqgħu madwar 90 minn fost kważi 200 drone sparati lejn arthom matul il-lejl tal-Ħamis u l-Ġimgħa.
Fl-istess ħin, ir-Russi qed jirrappurtaw aktar suċċessi fuq il-fronti tal-battalja fl-Ukrajna.
Dan waqt li l-kelliema għall-Kremlin qalu li l-qawwiet tagħhom ħatfu l-kontroll fil-villaġġi ta’ Nadiyivka and Novosilka, li jinsabu fin-naħa t’isfel tar-reġjun ta’ Donetsk.
//= $special ?>