Sport

Marsa St Michael’s jirbħu l-konfront dirett kontra Valletta St Paul’s

Marsa St Michael għelbu liċ-champions Valletta St Paul’s 2-0 sabiex qabżuhom fil-klassifika u jinsabu tliet punti biss bogħod mil-leaders Għaxaq Wolves.

Il-Marsin skorjaw gowl f’kull taqsima sabiex kisbu s-seba’ rebħa staġjonali filwaqt li komplew jisfidaw għall-unuri. Kien Nikola Neskovic li poġġa lil Marsa minn fuq wara li skorja penalty sabiex kmieni fit-tieni taqsima, Anas Souhaile irdoppja l-iskor.

Din kienet telfa xi ftit iebsa għal Valletta li tilfu t-tieni konfront dirett għalkemm xorta għadhom fit-tiġrija għall-unuri.

Referee kien Lorry Sammut.

Ta’ Ġiorni Wanderers – San Ġwann Pro Evolution Academy 2-3

Fid-dwell tan-naħa t’isfel tal-klassifika, San Ġwann Pro Evolution Academy għelbu lil Ta’ Ġiorni Wanderers 3-2.

Ta’ Ġiorni bdew tajjeb u marru minn fuq wara biss tliet minuti permezz ta’ Aaron Mizzi sabiex f’temp ta’ erba’ minuti San Ġwann dawru l-iskor favurihom b’gowls ta’ Tom Riandet u Moise Bidi Kizayamoko.

Il-Wanderers ma qatgħux qalbhom u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Daniel Neeray Bharwani minn penalty, għalkemm l-aħħar kelma kienet ta’ San Ġwann Pro Evolution Academy li skorjaw il-gowl rebbieħ permezz ta’ Brice Moundounga.

Referee kien Raymond Tabone.

Valletta Stars St Dominic – Senglea Gunners 2-2

Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni spikkat il-partitissima bejn Valletta Stars St Dominic u Senglea Gunners bil-logħba tispiċċa bl-iskor bilanċjat ta’ 2-2.

Il-Beltin kienu qed jirbħu din il-partita iżda sabu lis-Sengleani li wettqu reazzjoni fit-tieni taqsima sabiex ħadu punt kull wieħed. Protagonista għall-Istilel Beltin kien Josè David Diaz Urango li skorja doppjetta. Miguel De Oliveira u Christopher Philips skorjaw il-gowls għall-Gunners.

Referee kien Gordon Barbara.

Attard Edex Kings – Zebbuġ Youngsters 0-1

Zebbuġ Youngsters daħlu fit-taqtiegħa għall-promozzjoni wara li għelbu lil Attard Edex Kings bl-iskor minimu iżda prezzjuż ta’ 1-0.

L-uniku gowl tal-logħba ġie skorjat minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Daniel Stojanov. B’din ir-rebħa, iż-Żebbuġin laħqu lil Attard Edex Kings bi 13-il punt fil-klassifika.

Referee kien Gordon Barbara.

Swieqi United AFC – St Paul’s Bay NMFC 5-1

Swieqi United AFC komplew bil-mument pożittiv tagħhom wara rebħa kbira ta’ 5-1 kontra St Paul’s Bay NMFC.

Kirandas Kholatiparambil skorja doppjetta għal Swieqi bi Bruno Menezes, David Taiwoo Akindelle u Nelson Barreto li żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom. Seru Hang Nembang naqqas il-marġni tal-iskor għat-tim minn San Pawl il-Baħar.

Referee kien Jules Ngangue.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 25; Marsa St Michael’s 22; Valletta St Paul’s 21; Balluta Barracudas 15; San Ġwann Pro Evolution 9; San Ġiljan Saints 8; Ta’ Ġiorni Wanderers 4; Mqabba Albions 0.

KLASSIFIKA – MAFA T-TIENI DIVIŻJONI

Valletta Stars St Dominic 18; Senglea Gunners 16; Birzebbuġa St Peter’s AFC, Attard Edex Kings, Żebbuġ Youngsters 13; Ħamrun Amateurs 6; Gudja Wanderers 4; Ħal Far Titans 0.

KLASSIFIKA – MAFA T-TIELET DIVIŻJONI

Swieqi United AFC 22; Qajjenza AFC 13; St Paul’s Bay NMFC 7; Naxxar Victorians 6; Mosta Vikings 0.