Lokali Qorti

Mixli b’serq ta’ karozza u kkaġuna ħsarat fuq erba’ vetturi

Libjan ta’ 52 sena li huwa homeless, ġie mixli quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima li bejn it-13 u s-17 ta’ Frar seraq karozza Citroen u għamel ħsara fuq l-istess karozza filwaqt li kkaġuna ħsara fuq tliet karozzi oħra.

Tareg Ibrahim Mohammed Elgady li qal li jaħdem fil-kostruzzjoni, wieġeb mhux ħati li nhar il-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra bejn is-sagħtejn ta’ filgħodu u t-tlieta u għaxar minuti seraq karozza mill-Gżira.

Huwa ġie mixli wkoll li erbgħat ijiem wara, jiġifieri fis-17 ta’ Frar li għadda, bejn is-2.30pm u 3.15pm, mill-Gżira wkoll, għamel ħsara fuq karozza oħra tal-għamla Audio. Huwa ġie mixli wkoll li fl-istess ħin u ġurnata ma tax id-dettalji lill-gwardjan lokali meta dan waqqfu, bl-akkużat jibqa’ sejjer.

Il-Libjan ġie mixli wkoll li fis-17 ta’ Frar ukoll ftit wara, f’Tas-Sliema, ikkaġuna ħsara għal darba oħra fuq is-Citroen misruqa u fuq żewġ karozzi Mazda u Toyota f’inċident li kellu magħhom. Huwa ġie mixli wkoll li għal darba oħra naqas li jagħti dettalji lill-gwardjan lokali, u li bejn it-13 u s-17 ta’ Frar mingħajr ma kellu l-kunsens ta’ sidha, saqha mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni.

Għal Elgady deher l-Avukat Mark Mifsud Cutajar li m’għamel l-ebda talba għal libertà proviżorja u għalhekk inżamm arrestat.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Brendan Hewer mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Jspettur Ian Azzopardi.