Lokali

OPINJONI: Ġustizzja Soċjali… ħolma biss?

mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar

Matul din il-ġimgħa tkellimna ħafna dwar Ġustizzja Soċjali. Meta xi ħadd jisma’ bit-terminu Ġustizzja Soċjali x’jiġih f’moħħu? Hawn diversi modi ta’ kif wieħed jinterpreta l-Ġustizzja Soċjali, iżda fil-verità lkoll kemm aħna nifhmu li l-ġid jitqassam b’mod ekwu bejn kulħadd, fejn kulħadd ikollu opportunitajiet indaqs kif ukoll l-aċċess għal privileġġi, meta dawn jingħataw b’ġustizzja.
Nistħajjel wieħed jistaqsi kif jista’ jkun dan kollu meta qed ngħixu f’soċjetà individwalista u li l-bniedem hu fiċ-ċentru tal-politika? It-twegiba hi faċli. Il-bniedem ma jgħix ġo vacuum imma f’soċjetà. Jekk ikun hemm soċjetà b’saħħitha allura l-bniedem ikun jista’ jgħix b’mod iktar seren u trankwill.

Għal soċjetà b’saħħitha
Jekk f’soċjetà jkun hemm ir-rispett lejn il-bżonnijiet tal-individwu allura jkun hemm soċjetà b’saħħitha. Istituzzjonijiet li jaħdmu, Gvern li jqassam il-ġid b’mod ġust u mhux il-ftit għall-qalba; Gvern li jagħti d-drittijiet u jippromwovi l-aċċess għal dawn id-drittijiet b’mod ugwali. Din il-ġimgħa staqsejna jekk kulħadd għandux l-istess aċċess għall-ġustizzja jew iktar ma jkollok flus aktar aħjar? Kulħadd għandu l-istess privileġġ għall-aċċess ta’ istituzzjonijiet differenti? Iktar eżempji, kif jiġu trattati nies ta’ karnaġġjon differenti u nies b’diżabbiltà, kif ukoll l-eks priġunieri?
Biex tinħoloq soċjetà ġusta u jkun hemm ġustizzja soċjali ekwa jrid ikun hemm bilanċ f’dawk li huma żvantaġġati fis-soċjetà. Għax kif jista’ xi ħadd jifhem il-fqir jekk qatt ma esperjenza l-faqar? Ma jfissirx li bilfors tkun fqir imma li tagħmel xi ħaġa biex min jesperjenza l-faqar jgħix b’dinjità. Tajjeb li tqajjem kuxjenza kif għamilna matul din il-ġimgħa, imma mhux tieqaf hemm biss. Tkun qrib u viċin min għaddej minn inġustizzji, minn tbatijiet u faqar soċjali jkun qed imiss il-faqar reali b’idejh. Soċjetà li tħalli l-faqar jgħolli rasu, soċjetà li tħalli l-inġustizzja soċjali u ma tkunx tolleranti ma’ min hu fl-istrata l-baxxa tas-soċjetà tkun qiegħda tagħmel għajb lill-istess soċjetà.
Ma nixtieqx ninħass negattiv u npinġi s-soċjetà li ngħixu fiha bħala marida. Iżda jeħtieġ tinbidel il-buzz word tal-politiċi u ta’ kull min hu ta’ rieda tajba u devot tal-Ġustizzja Soċjali, billi jieħu passi anki żgħar u jagħmel xi ħaġa ta’ ġid b’risq dawk l-inqas ixxurtjati. L-għan ikun li nagħmlu d-differenza f’ħajjithom. Anki jekk inbiddel ħajjet bniedem wieħed biss, żgur li nħoss sodisfazzjon. Inkun kuntent. Paroli sar u jsir ħafna. Faċli li wieħed jitkellem imma fil-verità x’aħna nagħmlu biex ninvestu u verament ikollna soċjetà b’saħħitha?
Fostna nsibu diversi NGOs li jagħmlu ħafna xogħol siewi imma xorta nsibu min ma jinqabadx f’din ix-xibka. Li toħroġ il-flus sewwa u xieraq, imma mhux biżżejjed. Bżonn ta’ edukazzjoni u għajnuna hands on hija parti mis-soluzzjoni. Li tqarreb bniedem li jgħix b’dinjità mhux faċli wara li jkun ġarrab imma għandna niffukaw li ngħallmuh jistad mhux nagħtuh il-ħuta.
Wieħed irid jara l-għerq tal-problema u jiffoka kif dawn l-għeruq jixxettlu b’mod tajjeb. Bniedem li jgħix fil-vizzju għomru kollu, li jgħix bilkemm b’saqaf fuq rasu, li jkun falla spiss l-iskola, huma fost il-problemi fis-soċjetà. Dan mhux tort tal-bniedem u ma tinstabx f’area partikolari imma f’Malta kollha. Hija s-soċjetà li naqqset lil dawn il-bnedmin. Dawn ma jiġux indirizzati b’nofstanhar konferenza tal-Ġustizzja Soċjali, bħalma għamilna b’suċċess ilbieraħ. Dan għandu jkun il-bidu. Xprun biex inxammru l-kmiem biex isir xogħol li jwassal biex ikun hemm soċjetà ekwa u bilanċjata.
Ilbieraħ smajna diversi esperjenzi. Fost l-istejjer smajna esperjenzi ta’ sofferenzi u inġustizzja soċjali minħabba diżabbiltà. Il-flus u ġbir ta’ fondi huma bżonjużi, iżda kemm qed nagħmluha faċli biex dawn in-nies jgħixu b’dinjità f’pajjiż normali li jagħtihom id-dritt li jixirqilhom? Naħsbu u nantiċipaw il-bżonnijiet ta’ dawn il-bnedmin meta niġu biex nagħtu permess biex nibnu jew biex niftħu azjenda? Pereżempju l-aċċess għal bniedem b’siġġu tar-roti huwa diskriminat biex juża lift fi blokk appartamenti għax inbnew bit-taraġ. B’daqsxejn ħsieb wieħed ikun jista’ jantiċipa dawn il-problemi. Eżempju ieħor meta jkollok bniedem b’diffikultajiet ta’ mobbiltà u jesperjenza obstacle race għax ikun hemm ċerti ħwienet li jokkupaw bankina jew area sħiħa. Possibbli bnejna soċjetà daqshekk egoista? Soċjetà insensittiva? Soċjetà li ma taħsibx fl-iktar affarijiet bażiċi? Infakkar li tista’ ma tkunx diżabbli mit-twelid, inċident jew taħkmek marda hi biżżejjed. Jiġifieri naqra ħsieb biex għajrek jgħix aħjar kulma hemm bżonn.
Kemm, bħala soċjetà, qed inkunu ġusti mal-barranin speċjalment jekk ġejjin minn pajjiżi partikolari? Qed nisfruttawhom? Kif qegħdin nittrattawhom?
Is-sabiħa li l-istess nies li jimxu ma’ dawn b’mod ħażin tismagħhom jikkwotaw kliem Kristu, “kont barrani u lqajtuni”. Naqbel li għandhom jadattaw irwieħhom għall-kultura tagħna, però ma għandniex nabbużawhom jew inqisuhom tat-tieni klassi.

Din soċjetà ġusta?
Qed tkun soċjetà ġusta ma’ dawk l-eks priġunieri li jridu jintegraw irwieħhom wara li skontaw piena karċerarja? Se nibqgħu niġġudikawhom? Nibqgħu nikkundannawhom? Wara li joħorġu mill-ħabs naċċettawhom fuq ix-xogħol? Hawn ħafna NGOs jaħdmu magħhom u mal-familjari tagħhom biex ma jkunux iżolati u jiġu integrati fis-soċjetà, imma trid tinbidel il-mentalità biex tinbeda t-triq tar-riabilitazzjoni.
Kburin b’pajjiżna, imma nkunu ferm aktar kburin meta l-Ġustizzja Soċjali ssaltan f’soċjetà fejn kulħadd ikun seren li qed jgħix f’pajjiż li kulħadd jieħu dak li ħaqqu bi dritt.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 21 ta’ Frar, 2025.