minn Joe M. Zahra
Kif taraw il-pajjiżi fejn l-iktar li żdiedet il-paga minima huma dawk bl-inqas pagi. Dawk il-pajjiżi jirriżulta li għandhom ukoll l-inqas rata ta’ għoli tal-ħajja. Tajjeb għalhekk li nesprimu l-paga minimi kif espressi f’purchasing power standards (PPS). Li jfisser il-paga minima wara li naġġustawha għad-differenza fil-prezzijiet tul il-pajjiżi kollha. Dan iseħħ wara li jużaw l-iktar PPS riċenti li jirreferi għall-2023, għan-nefqa finali tal-konsum tal-familji. Dan il-proċess inaqqas id-differenzi bejn il-pajjiżi.

Hekk minn dan il-proċess joħroġ li pajjiżi b’paga minima ta’ iktar minn €1,500 fix-xahar hemm seba’ bl-ewwel post imur għall-Ġermanja b’warajha Lussemburgu, l-Olanda, il-Belġju, l-Irlanda, Franza u l-Polonja.
Permezz ta’ dan il-proċess aħna nidħlu fil-grupp b’PPS bejn €1,000 u €1,200. Hawnhekk fl-ewwel post hemm Spanja, warajha hemmis-Slovenja, ir-Rumanija, il-Kroazja, il-Litwanja, il-Portugal, il-Greċja, Ċipru, Malta u l-Ungerija. Li jfisser li aħna ninsabu fis-16-il post filwaqt li fl-ewwel proċess, dak li poġġiena bħala t-tieni pajjiż bl-inqas żidiet fil-paga minima fl-aħħar 10 snin konna fil-15-il post. Hekk morna wieħed lura.
Fl-aħħar kagetogrija dik ta’ taħt il-1000 PPS hemm is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, il-Bulgarija, il-Latvja u l-Estonja.

Dħul medju gross
L-aħħar kategorija hi dik li tkejjel il-livell tal-paga minima mad-dħul gross medju. Fl-2018 il-pagi minimi rrapreżentaw iktar minn 60 fil-mija tad-dħul gross medju f’biss erba’ pajjiżi tal-UE. Il-pagi minimi kienu jvarjaw bejn 50 u 60 fil-mija tad-dħul gross medja, fi ħdax-il pajjiż tal-UE. F’sitt pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fosthom Malta, il-paga minima kienet inqas minn nofs id-dħul medju. Fil-fatt tagħna kienet qabel tal-aħħar bi 43 fil-mija.
Dan hu għaċ-ċifri li ġbart mill-Eurostat. F’pajjiżna l-paga minima żdidet minn €157.9 fil-ġimgħa fl-2012 għal €181.1 fl-2020 – żieda medja ta’ €2.3 fil-ġimgħa. Anqas biżżejjed biex tieħu kafe’! Bejn l-2021 u din is-sena l-paga minima għoliet minn €182.33 għal €221.75 – jew €9.73 fil-ġimgħa. Il-Gvern intrabat li jżid kull sena l-paga minima għal erba’ snin. Iżda ż-żieda li seħħet fl-aħħar erba’ snin hi fil-parti l-kbira tagħha riżultat taż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja u ż-żieda li kellha tingħata bħala riżultat tal-COLA.
Jirriżulta li għal snin twal taħt dan il-gvern iż-żidiet fil-paga minima kienu baxxi ħafna. Tant li fl-2015 iż-żieda kienet ta’ biss 58 ċenteżmu fil-ġimgħa!
Meta tara dawn iċ-ċifri tifhem għaliex rapport wara l-ieħor jindika li kemm ilu fil-poter il-Partit Laburista s-sinjur sar dejjem iktar sinjur filwaqt li l-bqija qatgħu lura. Tifhem għaliex qed jikber id-distakk bejn min għandu ħafna u min għandu ftit. Tifhem għaliex dawk fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar jew fl-esklużjoni soċjali flok jonqsu qed jiżdiedu.
Jekk il-paga minima f’pajjiżna tħares mil-liema anglu tħares hi fost l-iktar baxxi fl-Unjoni Ewropea, u fost l-inqas li żdiedet, kif tippretendi li dawn in-nies ikollhom livell tal-għajxien sodisfaċenti! U kif iktar tippretendi li pagi u salarji oħrajn jikbru b’tali mod li kulħadd jgħix aħjar.
Il-ħuta minn rasha tinten
Il-ħuta f’pajjiżna minn rasha tinten. Biex il-gvern żamm il-pagi baxxi importa kemm felaħ ħaddiema minn barra, speċjalment minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea. Irnexxielu! Għaliex mal-pagi baxxi tal-ħaddiema barranin żamm ukoll baxxi dawk tal-Maltin. Din hi s-sistema tal-gvern biex ikabbar l-ekonomija. Għall-kuntrarju Gvern ġdid Nazzjonalista jara li l-ġid tal-pajjiż jinqasam b’mod ekwu fost kulħadd. Billi mmorru għal mudell ekonomiku ġdid fejn tkun il-kwalità li tmexxi l-iżvilupp. Fejn il-ħaddiema jkollhom impjiegi li jirrendulhom iktar u għalhekk ikunu jistgħu jgħixu ħafna aħjar milli qed jgħixu llum.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 21 ta’ Frar, 2025.
//= $special ?>