minn Angelo Micallef
Mhux xi sigriet ta’ Fatima li jien persuna li dejjem segwejt mill-qrib il-politika Amerikana. Mhux lanqas xi sigriet li normalment fil-politika Amerikana intendi li jkolli ferm aktar simpatija lejn ir-Repubblikani milli lejn id-Demokratiċi.
Spiss ktibt ukoll fuq l-ammirazzjoni li għandi lejn Presidenti bħal Ronald Reagen, Abraham Lincoln u oħrajn li matul is-snin okkupaw is-siġġu tal-White House u użawh għall-ġid tal-umanità.
Naturalment huwa impossibli li taqbel dejjem u spiss kien hemm argumenti li dwarhom kelli differenzi ċari mar-Repubblikani jew mal-Istati Uniti. Fuq kollox jien Malti u Ewropew u mhux Amerikan u allura għalija l-ewwel interess primarju huwa dak ta’ pajjiżi u tal-Ewropa, liema interess mhux neċessarjament dejjem se jallinja ma’ dak tal-Istati Uniti.
Fl-aħħar jiem madankollu jkolli ngħid li qatt f’ħajti ma’ ħassejtni daqshekk urtat bix-xejra tal-politika Amerikana. L-Istati Uniti li qed iġġib ruħha bħal xi ‘classroom bully’ u tfajjar it-tariffi ‘left, right and centre’ biex tipprova thedded pajjiżi oħra biex iċedu għar-rieda aggressiva tagħha.
L-Istati Uniti, illi lill-alleati tagħha bħall-Unjoni Ewropea, il-Kanada u r-Renju Unit qaltilhom grazzi billi mxiet magħhom bil-ponn tal-ħadid tat-tariffi u għamlet kull sforz biex tumiljahom fix-xena internazzjonali, filwaqt li ma’ oħrajn bħar-Russja, qiegħda timxi b’id tal-ħarir u kważi kważi tagħtihom palata.
L-Istati Uniti, li bl-akbar arroganza immaġinabbli qabdet u bidlet isem ta’ baħar minn Gulf of Mexico għal Gulf of America sempliċement għax il-President hekk fettillu għodwa waħda. L-Istati Uniti li qiegħda thedded is-sovranità tal-Kanada b’referenzi kontinwi għall-Prim Ministru Kanadiż bħala gvernatur; thedded is-sovranità tad-Danimarka billi ma teskludix l-użu tal-forza biex taħtaf taħt idha l-art ta’ Greenland; thedded b’atti kontra l-umanità lill-poplu ta’ Gaża billi thedded li taħtaf l-istrixxa ta’ Gaża biex Trump jiżviluppaha f’xi ‘resort’ ieħor u thedded is-sovranità tal-Panama billi thedded l-użu tal-forza biex taħtaf il-Panama Canal.
Lezzjoni bħala Unjoni Ewropea
Naturalment hemm l-argument b’saħħtu li l-Istati Uniti li qegħdin naraw illum hija biss riflessjoni tal-President attwali li huwa kollox apparti konvenzjonali. Ejja niftakru madankollu li dan il-bniedem ma sarx President b’xi ‘magic trick’ imma bir-rieda ħielsa u demokratika tal-poplu, u b’numru li jagħtih mandat ċarissimu biex imexxi lil pajjiżu. Inkunu għalhekk boloh jekk ma nitgħallmux il-lezzjoni bħala Unjoni Ewropea.
Filwaqt li għandna dejjem infittxu li jkollna l-id tal-ħbiberija mal-Istati Uniti, m’għandna qatt nerġgħu nirrendu ruħna dipendenti la fuq livell ekonomiku u lanqas fuq livell militari jew politiku.
Għandna naraw li kull relazzjoni, kemm mal-Istati Uniti u kemm ma’ oħrajn tkun ‘on an equal playing field’. M’għadna qatt nerġgħu nieħdu ‘for granted’ kwalunkwe sens ta’ rieda tajba kontinwa imma għandna naraw li nkunu aħna li jkollna s-saħħa ekonomika u politika biex ma nkunux dipendenti imma ‘partners’.
Dak li qed iseħħ bħalissa bl-Istati Uniti huwa xokkanti, imma fl-istess waqt hemm ukoll element ta’ tort li għal wisq snin ħallejna ruħna dipendenti fuq ir-rieda u s-saħħa ta’ Washington.
Il-President Franċiż Charles de Gaulle darba stqarr: “L-Amerika mhix fl-Ewropa. Hija potenza Atlantika li fir-realtà saret potenza globali. Huwa naturali li l-Amerika tkun tixtieq testendi l-influwenza tagħha fuq l-Ewropa u li tieħu kull miżura biex tipprevjeni kull sfida għal dik l-influwenza. Però, huwa ugwalment naturali li aħna, l-Ewropej, nirrifjutaw li naċċettaw id-dipendenza. Mhux tollerabbli li d-difiża tal-Ewropa tkun dipendenti fuq id-deċiżjonijiet, mezzi u fl-aħħar mill-aħħar aptit ta’ potenza oħra. EĦamis 20wropa tassew indipendenti jeħtieġ li tkun kapaċi tiddefendi lilha nnifisha weħidha”.
Kienu ħafna dawk li tul is-snin akkużaw lil Charles de Gaulle b’sentiment anti-Amerikan jew b’antipatija lejn l-Istati Uniti. Ikolli ngħid li dak li seħħ fl-aħħar jiem qed juri li forsi de Gaulle kien qed jara dak li dak iż-żmien ftit kienu qed jaraw, il-periklu ċar u manifest li bnejna Ewropa dipendenti f’kull sens fuq l-Istati Uniti.
Donald Trump darba stqarr li: “In many cases, our allies are worse than our so-called enemies”. Huwa ċar li wieħed jista’ biss iwieġeb bil-qawl magħruf, with ‘friends like these, who needs enemies!’
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 20 ta’ Frar, 2025.
//= $special ?>