Raġel ta’ 30 sena li kien ġie kundannat sena ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati kellu s-sentenza tiegħu revokata għal ordni ta’ probation mill-Qorti tal-Appell Kriminali, anke jekk xorta waħda nstab ħati li kellu fil-pusses tiegħu d-droga ecstacy mhux għal użu esklussiv tiegħu.
Dan fil-konfront ta’ Nathan Agius, bil-Qorti tal-Appell tgħid li hija tal-fehma li fiċ-ċirkostanzi piena ta’ priġunerija mhijiex il-piena ideali minħabba li huwa jeħtieġ l-għajnuna u jrid jieħu dik l-għajnuna kollha li tkun indikata lilu mill-Uffiċjal tal-Probation, inkarigat biex isegwih għal ġid tiegħu biex ma jerġax jaqa’ fil-vizzju tad-droga. Agius ma nstabx ħati li kien fil-pusses ukoll tad-droga kokaina u cannabis.
Dan il-każ idur madwar sejba ta’ droga fuq il-persuna tiegħu. Kien fit-2 ta’ Marzu 2014 għal xi 8.00pm li Agius kien wasal f’Paceville bl-intenzjoni li jmur f’wieħed mill-postijiet ta’ divertiment u meta kien għadu fil-parkeġġ ġie mwaqqaf mill-Pulizija.
Minn tfittxija li saret fuqu kellu 24 pillola blu li kienet suspettata li kienet ecstasy. Huwa dejjem qal li dawn
kienu għall-użu esklussiv tiegħu. Fl-appell huwa argumenta li l-Prosekuzzjoni naqset milli tressaq provi inekwivoċi u konklussivi li l-pussess ma kienx għal użu esklussiv u l-ammont ta’ pilloli flimkien mal-ispjega tiegħu jindika li d-droga misjuba kienet għall-użu personali tiegħu u mhux biex ikun hemm traffikar.
Qal li l-uniċi żewġ xiehda li setgħu tefgħu dawl fuq il-każ kienu l-kuntistabbli Dillon Abela li għamel it-tfittxija fuqu u l-ispiżjar Godwin Sammut. Agius qal li meta huwa ħa l-pedana tax-xiehda, huwa ta l-verżjoni tiegħu fejn spjega għalfejn huwa kellu dak in-numru ta’ pilloli.
Min ikun qed “jiddeverti” billi jabbuża mid-droga ma jkunx għaqlià
Ikkritika l-konsiderazzjonijiet magħmula mill-Ewwel Qorti fir-rigward tal-kwantita’ ta’ droga li kellu fuqu u
kemm kellu idum jiddeverti sabiex jeħodha kollha. Ikompli li l-analiżi li għamlet l-Ewwel Qorti kienet ukoll żbaljata minħabba li naqset milli tikkunsidra li meta wieħed jabbuża mid-droga l-konsiderazzjonijiet li jkun qed jagħmel ma jirrispekjax għaqal.
Qal li għalkemm l-ammont ta’ droga li nstab fuqu ma kienx żgħir, din lanqas hija f’ammonti li allura teżorbita mill-kuntest ta’ użu personali tenut kont li huwa kien jabbuża mid-droga. Ikompli li allura sabiex tiġi ppruvata l-intenzjoni ta’ traffikar jeħtieġ li ċ-ċirkostanzi jindikaw l-intenzjoni tiegħu li ma jużax id-droga inkwistjoni għall-użu esklussiv tiegħu.
Qal ukoll li l-ammont ta’ droga li nstabet fuqu hija kompatibbli ma’ pussess għal użu personali. Qal li l-Ewwel Qorti lanqas ikkunsidrat il-fatt li l-pilloli lanqas ma kienu mqassma b’mod partikolari u kienu kollha f’kontenitur wieħed.
Saħaq li mill-provi prodotti ma ġiex ippruvat li tali droga kienet intiża għat-traffikar u jgħid li l-Pulizija lanqas elevaw iċ-ċellulari tiegħu u lanqas biss talbu sabiex jagħmlu analiżi tal-kontenut. Hu jispjega li lanqas biss saret tfittxija ġewwa d-dar tiegħu jew ġewwa xi vettura li tappartjeni lilu u ma nstabet l-ebda prova ċirkostanzjali oħra li turi li tali droga kienet sejra tiġi traffikata
Piena m’għandiex tkun ta’ tpattija
L-appellant ilmenta dwar il-piena mogħtija fil-konfront tiegħu mill-Ewwel Qorti li huwa jiddeskrivi bħala waħda eċċessiva. Jispjega x’wasslu jagħmel użu mid-droga u jargumenta li l-piena ma għandhiex tintuża bħala forma ta’ tpattija.
Jgħid li l-element ta’ deterrent applikat mill-Ewwel Qorti kien eċċessiv, speċjalment tenut kont tat-tendenza li tingħata importanza lill-element riformattiv. Kompla li l-Ewwel Qorti naqset milli tieħu inkonsiderazzjoni l-fatt li kellu fedina penali nadifa u li huwa qatt ma xellef difrejgħ mal-liġi.
L-Imħallef Neville Camilleri li quddiemu nstema’ l-appell, qal li l-Qorti ma tistax ma tinnotax ukoll in-natura tar-reat fil-konfront tal-appellant li ġie ppruvat, il-fedina penali li hija waħda kompletament nadifa u l-fatt li l-akkużi fil-konfront tiegħu u li saru fl-2014 u ż-żmien li ħadu l-proċeduri.
Il-Qorti tal-Appell qalet li dak li jirriżulta mix-xhieda mogħtija fil-Qorti minn Dr. Roberta Holland fil-konfront ta’ Agius, fejn ingħad, fost l-oħrajn, “rigward bżonnijiet u trattament, ma jinħassx il-bżonn ta’
interventi intensivi, strutturati jew f’ambjent kontrollat rigward droga.
“Ikun ta’ benefiċċju jekk filwaqt li jibqa’ għaddej b’ħajtu kif inhi llum il-ġurnata, l-appellant ikun sorveljat għal xi żmien sabiex wieħed jassigura ruħu li huwa jibqa’ astinenti minn kull tip ta’ sustanza illeċita. Minn aspett ta’ stil ta’ ħajja, jinħass biss il-bżonn li jkun gwidat u mogħti s-sapport neċessarju sabiex jibqa’
fuq it-triq it-tajba u jkompli jagħmel l-aħjar għażliet.
“Minn aspett psikoloġiku, u dak ta’ aspetti ta’ karattru jew tendenzi tal-personalità għandu jibbenefika minn interventi immirati lejn xi diffikultajiet li jippreżenta, inkluż l-ansjetà li jbati minnha. Tali
interventi, li jistgħu jsiru f’forma ta’ sessjonijiet ta’ terapija psikoloġika.
“Dawn mistennija wkoll jgħinuh jitgħallem jikkomunika l-emozzjonijiet u ħsibijiet, u jiftaħ qalbu, filwaqt li joffru opportunità sabiex jindirizzahom, itejjeb lilu nnifsu, u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu, inkluż minn aspett ta’ saħħa mentali. Huwa mistenni li jikkoopera ma’ kull trattament meħtieġ jew kundizzjoni li
tkun imposta fuqu mingħajr reżistenza jew diffikultà”.
Il-Qorti taqbel li r-reat sar minħabba d-dipendenza fuq id-droga
L-Imħallef Camilleri qal li l-Qorti hija sodisfatta fuq bilanċ ta’ probabbilitajiet li r-reat li dwaru ġie misjub
ħati kien prinċipalment attribwibbli għad-dipendenza tiegħu fuq id-droga, Għalhekk il-Qorti mhux se tapplika t-terminu minimu mandatorju ta’ priġunerija jew l-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-ordni ta’ probation jew tas-sospensjoni tat-terminu ta’ priġunerija.
Għal dawn ir-raġunijiet kollha msemmija laqgħet l-appell fir-rigward tal-perjodu ta’ priġunerija fis-sens li din il-Qorti ser tbiddel il-piena ta’ sena priġunerija mogħtija mill-Ewwel Qorti għal waħda li tqies hija aktar
idonea għalih.
L-andament pożittiv dwar l-appellant jirriżulta mill-fatt li l-Bord tar-Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga informa lill-Qorti tal-Appell li kien sodisfatt bil-proċess ta’ riabilitazzjoni tal-akkużat, tant li kkunsidra l-każ tiegħu bħala magħluq b’suċċess.
Tenut kont ta’ dan kollu, il-Qorti qalet li għandha tagħti l-aħħar ċans lil Nathan Agius sabiex ikompli jimxi fit-triq it-tajba li jidher li mixi fiha u jingħata din l-opportunità tad-deheb sabiex jevita li jiġi mibgħut jiskonta piena fil-ħabs b’dan li huwa għandu jagħmel dak kollu neċessarju sabiex jevita li jiġi mibgħut il-ħabs.
Dwar il-multa ta’ €1,000 li l-Ewwel Qorti kkundannat lill-appellant iħallas, il-Qorti tal-Appell tinnota li din il-multa taqa’ fil-parametri tal-liġi u ma tara l-ebda raġuni għala għandha tnaqqasha.