Xirja ta’ affarijiet bażiċi li għamel il-ġurnal l-orizzont f’April tal-2020 u li dakinhar kienet tiswa €65.98 illum tiswik €90.56. F’inqas minn ħames snin, xirja ta’ prodotti bażiċi żdiedet b’37.2%.
Dan il-kalkolu kien ibbażat fuq prezzijiet imnaqqsa u offerti speċjali u kieku l-prodotti nxtraw bil-prezzijiet rakkomandati, id-differenza kienet titla’ għal 45.8%.
Meta wieħed iqis kemm żdiedu l-pagi u l-pensjonjiet f’dawn il-ħames snin, jifhem għaliex il-piż tal-għoli tal-ħajja qiegħed ta’ kuljum jgħakkes lil dejjem aktar nies.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li indirizza flimkien max-Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali Albert Buttigieg u max-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini, ix-Shadow Minister għall-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo spjega eżerċizzju li għamel u li fih qabbel l-istess xirja preċiża li għamel l-Orizzont fl-2020 mal-istess prodotti llum.
Ix-xirja, li tikkonsisti f’affarijiet bażiċi bħall-għaġin, bajd, ħalib, corned beef, couscous, soppa tal-pakkett, ċereali, te u polpa fost l-oħrajn, illum ġiet tiswa ’l fuq minn €24 aktar minn dakinhar.
Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li meta wieħed iħares lejn ir-rapport tal-Bank Ċentrali li jgħid li madwar 45% tal-ġid ta’ pajjiżna jinsab għand 10% tal-aktar għonja, jifhem għalfejn ħafna familji Maltin qed tilħaqhom parti dejjem iżgħar mill-GDP.
Dan qed iwassal biex il-poplu Malti qed jiffaċċja kriżi bla preċedent tal-għoli tal-ħajja.
Fid-dawl ta’ dan kollu, Robert Abela u sħabu għandhom rashom imdeffsa fir-ramel, u huma għalkollox insensittivi għat-tbatijiet ta’ ħafna.
Il-piżijiet li żdiedu anke fuq l-anzjani huma kbar. Għax filwaqt li l-pensjonijiet raw żidiet ċkejkna, iż-żieda fl-għoli tal-ħajja tiżboqhom bil-bosta. Minbarra ż-żidiet fuq l-ikel u x-xorb, ħafna anzjani qed ibatu wkoll ħafna żidiet fuq mediċini li għolew u qed ikollhom joħorġu minn bwiethom minħabba l-ħafna mediċini li spiċċaw out of stock.
Dan filwaqt li l-qasma bejn il-fqir u s-sinjur qed tkompli tikber.
Il-Partit Nazzjonalista jirrifjuta li joqgħod b’idejh fuq żaqqu waqt li l-klassi tal-ħaddiema titħalla titkaxkar.
Xhieda ta’ dan huma s-soluzzjonijiet li ħabbar biex itaffu mill-piżijiet tal-lum:
· Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, il-COLA, ma għandhiex tkun taxxabbli;
· Tax credits lil min iħaddem, biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja;
· Jinħoloq Fond Nazzjonali biex nappoġġjaw lill-industrija li timporta jew tesporta, u dan biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħalli l-impatt tal-għoli tal-ħajja;
· Naraw li jkun hawn mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li jimmiraw għal xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.
U waqt li l-Partit Nazzjonalista ta lill-Gvern is-soluzzjonjiet fuq platt, il-Gvern mhux talli ma ħadhomx biex jaddottahom, imma talli vvota kontrihom.
Il-Gvern qed jagħlaq għajnejh għar-realtà li juru ċ-ċifri.
134,000 impjegat full-time, jiġifieri kważi nofs dawk li jaħdmu full-time f’pajjiżna, qed jaqilgħu inqas mill-paga medja. Dan ifisser li għexieren ta’ eluf ta’ familji Maltin qed jitħabtu biex jgħixu ħajja dinjituża.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jikkonferma li d-differenza bejn il-fqir u s-sinjur qiegħda dejjem tikber. F’pajjiżna dawk l-aktar sinjuri qed jaqilgħu sa għaxar darbiet aktar minn dawk li qed jitħabtu biex jgħixu.
Imma minkejja dan kollu, Robert Abela jibqa’ insensittiv għal dak li qed iħasseb lill-familji tagħna.
Għax għal Robert Abela, il-prijorità hija l-familja politika tiegħu. Dawk ta’ qribu u dawk li jrid, jew ikollu, jżomm kuntenti. Għal Abela l-importanti li jipproteġi lil sħabu minn xi inkjesta maġisterjali, mhux li jipproteġi lill-familji Maltin mill-piżijiet li qed jgħakksuhom.
Id-differenza hija ċara: filwaqt li Abela u sħabu qed jinjoraw id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw il-familji Maltin ta’ kuljum, il-PN qed jibqa’ l-unika tarka ta’ dawk li qed ibatu u l-uniku partit li qed joħroġ b’miżuri reali.
Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem bla heda għal politika ġusta li tiżgura soċjetà fejn il-prosperità titkejjel mhux biss b’ċifri tal-GDP, imma bi kwalità tal-ħajja għal kulħadd.




Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo
//= $special ?>