Internazzjonali

Stati Uniti: Lejn laqgħa diretta bejn Trump u Putin?….Washington ma jrid l-ebda referenzi għar-Russja bħala ‘aggressur’

L-aħħar rapporti qalu li l-Istati Uniti u r-Russja qegħdin jikkunsidraw li ssir laqgħa wiċċ-imb-wiċċ bejn il-President Amerikan Donald Trump u Vladimir Putin.

Intant, il-kelliema għall-Kremlin f’Moska qalu li mhumiex qrib ta’ xi ‘deċiżjoni’ formali f’dan l-ambjent tal-gwerra mal-Ukreni.

Hu minnu wkoll li għalkemm Washington qed jgħid li lest jikkunsidra kull possibbiltà biex twaqqaf il-gwerra tal-Ukrajna, jibqa’ il-fatt li l-istess Ukrajna qed tkun kważi injorata mill-Istati Uniti waqt it-trattativi tagħha mar-Russi  li għandhom jiddeċiedu l-futur tal-poplu Ukren.

L-Istati Uniti, issa, qed topponi wkoll għal sitwazzjoni fejn ir-Russja tissejjaħ ‘l-aggressur f’din il-gwerra’ b’termini uffiċjali.

Dan hu relatat ma’ stqarrija tal-G7 – l-aktar pajjiżi industrijalizzati tad-dinja – li timmarka t-tielet anniversarju mill-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet ta’ Putin.

Ir-rapporti qalu wkoll li dan l-atteġġjament min-naħa tal-Amerikani jkompli juri l-firda u d-diżgwid bejn il-Gvern tal-President Trump u l-pajjiżi tal-Punent li jappoġġjaw lill-Ukrajna.

Intant, ir-Rappreżentanti tal-Istati Uniti mhumiex lesti li jaċċettaw il-frażi ‘aggressjoni tar-Russi’ jew xi diskors simili li fl-aħħar snin kien parti mill-istqarrijiet tal-Alleati tal-Ukrajna — fosthom l-Istati-membri tal-G7.

Intant, is-sorsi qrib il-G7 qalu li kienu qed jaħdmu fuq stqarrija bit-tama li jaslu fi qbil (dwaru) mal-Amerikani.

Min-naħa tagħhom, l-Amerikani saħqu li hemm ‘tħassib kbir dwar il-pożizzjoni tal-G7, bħala kollettiv, rigward min irid jinżamm responsabbli għall-gwerra’.

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qed jibqa’ jinsisti biex pajjiżu jingħata l-garanziji tas-sigurtà ċari u sodi mingħand l-Alleati bil-għan li l-gwerra tasal għal konklużjoni wara kważi tlett snin ta’ dmija.