Lokali Parlament

Tlett itfal qed jirċievu kura għall-kanċer barra minn Malta

Tlett itfal qed jirċievu kura għall-kanċer barra minn Malta. L-iktar raġunijiet komuni għaliex dawn it-tfal ikollhom imorru barra minn pajjiżna għall-kura huma trapjanti tal-mudullun, chemo jew radjoterapija speċjalizzata, jew operazzjonijiet ikkumplikati li ma jistgħux isiru lokalment.

Din l-inforamazzjoni ngħatat fil-Parlament  minn Jo Etienne Abela, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva; għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Grazielalla Attard Previ li talbitu jgħid jekk hux possibbli li l-ispeċjalisti tal-kura kontra l-kanċer jiġu Malta minflok li l-pazjenti u l-familji tagħhom imorru barra minn Malta għall-kura. Staqsiet ukoll f’liema każijiet l-ispeċjalisti jistgħu jinġiebu Malta u meta mhux possibbli li jsir dan.

Il-Ministru Abela ta d-dettalji dwar il-kura kontra l-kanċer u żied li filwaqt li Malta tibqa’ tistinka biex kemm jista’ jkun il-kura tingħata lokalment, għal każijiet iktar rari jew kumplessi, il-pazjenti jibqgħu jintbagħtu f’ċentri ta’ eċċellenza barra minn pajjiżna, fejn jingħataw l-aqwa trattament possibbli.