Fid-29 ta’ Jannar li għadda, Sally Novetzke, li kienet l-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti għal Malta fi żmien is-Summit bejn George Bush u Mihail Gorbachev, mietet fl-età ta’ 93 sena f’Cedar Rapids, Iowa.
L-Ambaxxatriċi Novetzke ma kinetx fil-korp diplomatiku qabel ma ngħatat il-ħatra f’Malta. Fil-fatt hi kienet magħżula għal din il-kariga direttament mill-President George Bush li kien jafha mill-qrib minħabba l-ħidma tagħha fi ħdan il-Partit Repubblikan.
F’Malta hi damet erba’ snin, bejn l-1989 u l-1993, snin li fihom kien irnexxielha ttejjeb ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi li, ta’ min ifakkar, kienu niżlu fl-agħar livelli tagħhom fl-amministrazzjonijiet Laburisti ta’ Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici sal-1987.

Minn hemm ’il quddiem il-President Reagan kien ordna biex l-entitajiet tal-Gvern tiegħu jibdew era ġdida ta’ koperazzjoni u għajnuna lil pajjiżna. Meta mbagħad kien elett il-President George Bush fl-1988, pajjiżna beda jkun kunsidrat mil-ġdid bħala partner affidabbli u kien f’dan l-isfond li Malta ntgħażlet mill-Amerikani biex fl-1989 isir is-Summit storiku bejn Bush u Gorbachev.
Sally Novetzke kienet għadha lanqas ippreżentat il-kredenzjali tagħha lill-President Ċensu Tabone meta kienet mgħobbija bil-piż li tħejji kollox f’pajjiżna għal dak is-Summit li minnu l-komunità internazzjonali kienet qed tistenna ħafna… kif fil-fatt seħħ.
Wara li temmet il-ħatra tagħha f’Malta, hi kemm-il darba kienet titkellem dwar dik l-esperjenza unika. Kienet tgħid li kienet ingħatat il-parti li torganizza riċevimenti u okkażjonijiet soċjali għall-uffiċjali l-aktar għoljin li kienu f’Malta tul il-jiem tas-Summit.
Kemm damet f’pajjiżna, Sally Novetzke, Kattolika ferventi, tassew irnexxielha tgħolli l-livell bejn iż-żewġ pajjiżi. Kienet ukoll għamlet numru kbir ta’ ħbieb Maltin permezz tal-karattru dħuli tagħha.
Kienet spiss tirrakkonta li kienet tmur tisma’ l-quddies fil-parroċċi l-aktar viċin tar-residenza tagħha, jiġifieri f’Ħ’Attard, Ħal Lija u Ħal Balzan.
Wara Malta, Sally Novetzke ma kellha l-ebda kariga uffiċjali oħra u kienet tiddedika ħinha għall-familja tagħha u għall-ħidma soċjali u ta’ benefiċenza li tant kienet tgħożż.

Minkejja li damet biss erba’ snin hawnhekk, Sally Novetzke baqgħet spiss tintalab mill-midja tirrakkonta l-esperjenza tagħha f’dak iż-żmien daqstant importanti.
Novetzke, f’dawn l-intervisti, baqgħet turi l-imħabba tagħha lejn pajjiżna billi ssemmi diversi episodji ta’ matul iż-żmien tagħha f’Malta.
//= $special ?>