Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, kompla bl-insulti lill-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, fost il-kummenti li ‘hu (Zelensky) mhux importanti biżżejjed biex jieħu sehem fil-laqgħat’ li jiddeċiedu l-futur tal-Ukreni wara kważi tlett snin ta’ gwerra.
Ftit jiem biss wara li rrefera għal Zelensky – li kien elett bil-mezzi demokratiċi — bħala ‘dittatur’, Trump, issa qed jipprova jimminimizza r-rwol tal-Mexxej Ukren fil-konflitt mibdi mir-Russja…Gwerra li faqqgħet wara li l-militar ta’ Vladimir Putin qasam mill-fruntiera lejn l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar tal-2022.
U waqt intervista lil Fox News, Trump insista fuq it-tema li hu ma jikkunsidrax lil Zelensky bħala ‘sieħeb sinifikanti’ fil-proċess lejn il-paċi – u fost il-kummenti li ‘il-Mexxej Ukren mgħandux il-karti x’jilgħab’ waqt in-negozjati….Eżempju ieħor li Trump jippreferi li jitratta ma’ Vladimir Putin milli mat-tmexxija fl-Ukrajna.
Fil-fatt, l-atteġġjament ta’ Trump hu kuntrast assolut għall-kummenti ta’ Keith Kellogg, eks-Ġeneral tal-Armata u llum ir-Rappreżentant Speċjali ta’ Donald Trump għall-Ukrajna.
Meta tkellem għall-ewwel darba dwar il-laqgħa li kellu aktar kmieni fil-ġimgħa ma’ Zelensky fi Kiev, Kellogg sostna li d-diskussjoni mat-Tmexxija Ukrena kienet ‘pożittiva u anki estensiva’ filwaqt li rrefera għal Zelensky bħala ‘mexxej kuraġġjuż ta’ pajjiż li jinsab fl-eqqel tal-gwerra’.
L-eks-Ġeneral anki fisser lill-Uffiċjali Ukreni responsabbli mis-Sigurtà Nazzjonali bħala ‘nies ta’ talent’ , f’kummenti li żgur mhumiex konformi mal-atteġġjament kważi ostili lejn l-Ukrajna min-naħa tal-President Amerikan innifsu.
Madankollu, jibqa’ ukoll sinifikanti li l-Istati Uniti, deċidiet biex ma ssirx il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ wara l-laqgħa u fejn suppost li Zelensky u Kellogg kienu se jindirizzaw ‘flimkien’ lill-istampa preżenti fi Kiev.
//= $special ?>