Lokali

IL-ĠURI TAN-NEMES: Il-ġurija tingħata aċċess tal-post tad-delitt

Il-ġuri b’rabta mal-qtil ta’ Brandon Pace, daħal fil-5 jum tiegħu – bil-ġurija jagħmlu l-aċċess fil-postijiet li ffrekwentaw l-akkużati qabel u wara li twettaq id-delitt.

Skont xhieda huwa mifhum, li l-akkużati kienu qed isegwu tiġrijiet taż-żwiemel fil-korsa tal-Marsa nhar it-2 ta’ April tal-2017, fejn propju beda l-aċċess tal-ġuri. Il-ġurati ntwerew ir-remessa tal-akkużati biżwit il-korsa tal-Marsa.

Fi preżenza qawwija ta’ Pulizija, u uffiċjali mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, l-akkużati kienu eskortati mill-Marsa għall-Pietà, fejn jidher li marru l-akkużati wara d-delitt taż-żagħżugħ ta’ 21 sena fil-Ħamrun.

Fil-Pietà, fi Triq Santa Monika, il-ġurija kienet murija l-post illi waħda mill-karozzi tal-akkużati kienet ipparkjata, wara d-delitt…b’karozza minnhom ikollha anke traċċi ta’ demm. Imbagħad, kienu eskortati flimkien mal-akkużati għar-residenza, tal-missier sena u l-iben, Joseph u Kurt Grech ta’ 61 u 31 sena rispettivament, fejn skont xhieda jidher illi nstabu swabs mimlijin demm hekk kif li Kurt Grech kellu ferita f’sidru.

Jidher illi meta marru fil-post il-Pulizija, dakinhar tat-2 ta’ April tal-2017, bdew isegwu t-traċċi ta’ demm li nstabu tul Triq San Girgor li wasslu għall-sprall fil-kantuniera ta’ bejn Triq id-Duluri u Triq San Girgor f’Tal Pietà. Hemm instabu żewġt iskieken ta’ 19-il ċentrimetru li kienu wkoll mċappsin bid-demm. 

L-aċċess intemm fi Triq Giovanni Barbara, propju fit-triq li twettaq id-delitt. Bil-ġurija jidħlu fi Block J, fit-tieni sular….fil-gallarija tal-kamra ta’ Brandon Pace, minn fejn bdew jitwaddbu numru ta’ madumiet għat-triq fejn kien għaddej l-argument bejn Joseph u Kurt Grech, u Brandon Pace, dakinhar tad-delitt.

L-aċċess tat-tnax il-ġurat sar matul il-ġurnata tas-Sibt immexxi mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, fil-preżenza tal-akkużati Joseph u Kurt Grech, il-familja ta’ Brandon Pace u numru qawwi ta’ Pulizija.

Intant, tard il-ġimgħa filgħaxija omm il-vittma, Lisa Pace, xehdet fil-Qorti fejn stqarret li l-aħħar kliem ta’ binha kien “inħobbok”. Evidentament kommossa, l-omm qalet li t-telefonati li kellha l-eks tfajla ta’ binha, Jessica Bilocca ma’ omm Kurt Grech, Anna Maria Grech, kienu mimlijin għajjat u tgħajjir. Fejn sostniet li dakinhar tad-delitt semgħet xi ħsejjes fuq barra u meta ħarġet mill-gallarija biex titawwal rat żewġ karozzi pparkjati fin-nofs u lill-akkużati flimkien mal-omm.

Lisa Pace xehdet illi binha, Brandon Pace, ħareġ mill-bieb tal-komun tal-blokka b’sikkina. Hija spjegat li l-akkużati qabżu fuq Brandon u rat ħafna demm mal-art…fejn stqarret li ħares lejha u lejn it-tfajla tiegħu Jessica, qallha li jħobbha u miet.

Madanakollu, waqt ix-xhieda tal-omm id-difiża nfurmat lill-Qorti li jemmnu li l-omm kienet taħt l-effett tad-droga, bil-Qorti tordna li l-omm isirilha test tad-droga.

Il-ġuri se jkun qed ikompli nhar it-Tnejn, fid-9am.