Il-Kunsillieri Laburisti Żrieraq maqsumin bejniethom dwar applikazzjoni ta’ żvilupp fuq art ODZ
F’ stqarrija maħruġa minn Kyle Mifsud Minority Leader u Kunsillier tal-PN fiż-Żurrieq, Dino Bonnici Kunsillier tal-PN fiż-Żurrieq u Marylyn Sammut Kunsilliera tal-PN fiż-Żurrieq għamlu referenza għall-allegazzjonijiet tal-Partit Laburista u l-midja tiegħu dwar permess għal żvilupp fuq art ODZ fiż-Żurrieq, huwa ironiku kif il-Partit Laburista jattakka u jagħmel akkużi infondati fuq il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista meta lanqas kien kapaċi jġib lill-kunsillieri kollha tiegħu jitkellmu b’vuċi waħda fuq dan il-każ.
Qasma li toħroġ ċar mill-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li saret fit-8 ta’ Jannar ta’ din is-sena.
Il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żurrieq jiddikjaraw li l-applikazzjoni inkwistjoni hija relatata ma’ żvilupp kummerċjali u mhix marbuta ma’ bini residenzjali, u li parti sostanzjali mis-sit indikat hija diġà żviluppata – li allura jfisser li diġà hemm bini fuqha.
Dwar din l-applikazzjoni, il-Kunsill Lokali kien qed jiddiskuti mal-iżviluppaturi biex numru ta’ oġġezzjonijiet li qajmu r-residenti jiġu indirizzati fl-aħjar interess ta’ kulħadd.
Imma minkejja li kien għad fadal ammont ta’ żmien biex jiskadi l-perjodu tal-appell, uħud mill-Kunsillieri Laburisti (mhux kollha) ddeċidew li minflok jistennew ir-risposti tal-iżviluppatur kif talbu l-Kunsillieri tal-PN, imorru għall-oġġezzjoni minkejja li f’dan l-istadju kien hemm negozjati għaddejjin.
Għalhekk, ma kien fl-interess ta’ ħadd li jittieħed pass bħal dan.
Il-fatti f’dan il-każ huma ċari – dwar din l-applikazzjoni għal żvilupp fid-daħla taż-Żurrieq hemm diżgwid intern bejn il-Kunsillieri tal-Labour fuq x’pożizzjoni għandhom jieħdu huma. Imma għal darba oħra anke f’dan il-każ, il-Labour qed jipprova jagħti tiegħu lil ħaddieħor.
Waqt li jikkundannaw il-qerq u l-miżinformazzjoni tal-Labour f’dan il-każ, il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista jserrħu ras ir-residenti Żrieraq li se jibqgħu jsegwu dan il-każ mill-qrib u jieħdu kull azzjoni li tkun biss fl-interess taż-Żurrieq u r-residenti Żrieraq.
//= $special ?>