“L-għoli tal-ħajja qed taffettwa lil kulħadd; ġej minn fejn ġej”
Mhux biss dawk li jinsabu fuq il-paga minima mhux ilaħqu mal-għoli tal-ħajja, iżda anke koppja b’żewġ pagi u żewġt itfal qed isibuha diffiċli jġemmgħu xi ħaġa. Il-Partit Nazzjonalista, wara li għarbel, iddiskuta, u iltaqa’ ma’ diversi nies fis-settur għandu s-soluzzjonijiet x’joffri lill-poplu.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista ma’ Andrew Azzopardi fuq l-RTK hekk kif insista dwar il-fatt li l-Gvern jonfoq flus il-poplu bl-għaqal u li l-ekonomija għandha tkompli tikber permezz ta’ impjegi ta’ kwalità.
Bernard Grech insista li Gvern ġdid Nazzjonalista jifforma fond biex jindirizzaw l-ispejjeż loġistiċi, jelimina t-taxxa minn fuq l-għajnuna tal-COLA u jgħin lin-negozji biex jesportaw ix-xogħol u l-materjal tagħhom.
Mistoqsi dwar iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni, li preżentament qed tiżboq sew in-nofs miljun persuna, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li huwa inġust li min ikun ilu f’pajjiżna u jkun integrat jitkeċċa mill-pajjiż – madanakollu saħaq li l-Gvern ma jistax jibqa’ jimporta n-nies għaċ-cheap labour.
Dan filwaqt li fuq it-traffiku huwa spjega li dan huwa dak li jġib mudell ibbażżat fuq il-kwantità u mhux fuq il-kwalità. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega sabiex jiġu inċentivati persuni li jixtiequ jneħħu l-karozzi tagħhom u b’hekk ikun hawn inqas traffiku, iżjed parkeġġi u aktar servizz ta’ trasport effiċjenti.
Mistoqsi dwar ir-rapport tal-Ombudsman li kkundanna t-tmexxija tal-ħabs taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Byron Camilleri u t-tmexxija tal-kurunell Alex Dalli – Bernard Grech saħaq li ma jistax ikun min jiżbalja jiġi premjat u ħadd ma jerfa’ responsabbiltà.
Intant, b’rabta mat-tibdil fil-liġi tal-Inkjesti Maġisterjali li jrid idaħħal Robert Abela, Bernard Grech spjega li l-Gvern qed jipprova jċaħħad liċ-ċittadin milli jitolbu ftuħ ta inkjesta maġisterjali . Dan fid-dawl tad-diversi inkjesti mitluba miċ-ċittadin u li spiċċaw ġabu lill-Gvern Laburista f’lenti pessima.
Bħal fil-każ tal-Vitals fejn fost oħrajn tressaq il-Qorti l-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Hawnhekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista sabiex kulħadd jagħmel id-dover tiegħu u jżommu mal-ġurament dmir li għandhom lejn il-kostituzzjoni.
Bernard Grech saħaq li huwa biss gvern ġdid Nazzjonalista li jista’ jagħti tama, fiduċja, u futur aħjar lill-pajjiżna bil-familji Maltin u Għawdxin jixtiequ jbiddlu r-rotta li ħa l-pajjiż fl-aħħar snin.
