Lokali

Ninsabu nkwetati fuq is-sospensjoni tax-xogħol fit-Terminal ta’ Ras Ħanżir – MMF

Il-Malta Maritime Forum esprimiet l-inkwiet serju tagħha dwar il-fatt li ġiet sospiża l-ħidma ta’ kostruzzjoni fuq it-terminal il-ġdd f’Ras Ħanżir fl-akwati tal-Port il-Kbir.

Filwaqt li nnotaw li bla ebda dubju dawn is-sospensjonijiet se jkomplu jżidu d-dewmien fil-kostruzzjoni ta’ din l-infrastruttura tant importanti, il-Forum għaraf din l-opportunitàli tali sitwazzjoni taf iġġib magħha.

Dan filwaqt li ġie spjegat li huwa inkwetanti immens li l-kostruzzjoni ta’ dan it-terminal bdiet mingħajr ebda konsultazzjoni mal-industrija, bin-nuqqas kbir ta’ komunikazzjoni mal-esperti fil-qasam marittimu lokali rriżulta fi żviluppi allarmanti, inkluż rapporti li t-terminal il-ġdid mhux se jkollu fejn jitqiegħed RoRo b’mod permanenti. Minflok qed jiġi suġġerit li jkun hemm rampa f’wiċċ l-ilma – deċiżjoni li qed tqajjem tħassib qawwi fl-industrija.

Ġie spjegat ukoll li dan l-MMF saret tafu minn sorsi mhux uffiċjali biex ikompli joħroġ aktar fil-beraħ in-nuqqas ta’ trasparenza li hemm f’dan il-proġett.

Il-Forum insista dwar il-bżonn urġenti ta’ din it-tip ta’ faċilità fil-Port il-Kbir kawża tal-infeċċjenzi kbar li preżentament qed iħabbtu wiċċhom magħhom.

Għaldaqstant fid-dawl ta’ dan kollu u aktar, l-MMF appellat bil-qawwa lill-istakeholders sabiex jutilizzaw dan il-perjodu ta’ sospensjoni bħala opportunità biex jisimgħu l-pariti tal-esperti fl-industrija bil-għan li t-terminal il-ġdid verament jilħaq il-bżonnijiet meħtieġa.