Sport Waterpolo

Sliema b’ottimiżmu għat-tieni semifinali taċ-Challenger Cup minkejja telfa fl-aħħar azzjoni tal-logħba fl-Olanda

(Ritratt: Timmy Cutugno)

GZC DONK……………. 18

SLIEMA ASC………….. 17

(7-3), (1-4), (5-3), (5-7)

Telfa minima għal Sliema fl-ewwel logħba minn tnejn tas-semifinali taċ-Challenger Cup organizzata mill-European Aquatics. Minkejja t-telfa u d-diżappunt ta’ kif waslet it-telfa, dan ir-riżultat għandu jqawwi qalb is-Slimiżi għall-partita ta’ ritorn f’pajjiżna, speċjalment wara prestazzjoni reżiljenti. Sliema dejjem wettqu reazzjoni meta dehru li setgħu jinqatgħu mil-logħba.

Wara li kienu 3-3 fl-ewwel parti tal-ewwel sessjoni, GZC Donk skorjaw erba’ gowls konsekuttivi minn erba’ plejers differenti u spiċċaw is-sessjoni 7-3. B’vantaġġ ta’ 8-4 fit-tieni sessjoni, Sliema naqqsu d-distakk għal gowl sa tmiem is-sessjoni, b’gowls minn Dino Zammit, Elijah Schembri u Jayden Cassar minn man-up.

L-Olandiżi reġgħu fetħu vantaġġ ta’ erba’ gowls sa nofs it-tielet sessjoni iżda hawn reġgħet spikkat id-determinazzjoni tas-Slimiżi. F’anqas minn minuta, Liam Galea, Sam Engerer u Julian Chircop skorjaw kollha biex naqqsu d-distakk għal 11-10. Il-gowl tad-draw ma wasalx għaliex reġgħu kienu GZC Donk li skorjaw darbtejn u bdew l-aħħar sessjoni 13-10.

Is-Slimiżi baqgħu jemmnu fir-riżultat u lejn nofs l-aħħar sessjoni kienu naqqsu d-distakk għal 14-13. Huma baqgħu jitilgħu mal-avversarji iżda ħafna ħasbu li l-gowl ta’ Jorn Winkelhorst minuta u 13-il sekonda għalaq il-logħba.

Liam Galea rrisponda mill-ewwel u 15-il sekonda mit-tmiem Dino Zammit ġab id-draw minn penalty. Madankollu fl-aħħar attakk tal-logħba, GZC Donk kellhom superjorità numerika wara li tkeċċa b’sostituzzjoni Elijah Schembri u fl-aħħar sekonda Winkelhorst skorja l-gowl tar-rebħa. Il-partita ta’ ritorn tintlagħab f’pajjiżna fit-8 ta’ Marzu.

GZC Donk: A. Boujnane, K. Veenhuis (7), C. Westerwoudt (1), R. Terlouw, G. Van Ijperen (3), J. van der Weijden, S. van den Heuvel (3), J. Nispeling (1), T. Schouwerwou, Q. van den Heuvel, D. Schouwerwou, J. Winkelhorst (3), B. Bendeguz

Sliema: N. Grixti, E. Schembri (2), L. Galea (3), J. Gambin, J. Cassar (1), B. Cachia (2), S. Engerer (2), D. Rizzo, J. Brownrigg (1), J. Chircop (1), D. Zammit (5), B. Busuttil

Referees: Alex Marquez (Spanja), Mihai George Balanescu (Rumanija)

Tags