Erba’ personalitajiet rikonoxxuti għall-ħidma u l-impenn tagħhom favur il-ġustizzja soċjali
Minn dak li rajna din il-ġimgħa, u minn dak li smajna minn fomm persuni li tkellmu pubblikament, segwejna forom ta’ esklużjoni u inġustizzji marbutin flimkien b’“ħajta li ma tidhirx.”
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fi tmiem attività soċjali li ġabet fi tmiemha l-Ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali, li tfakkret għas-sitt sena konsekuttiva mill-Partit Nazzjonalista b’numru ta’ attivitajiet organizzati mix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li matul din il-ġimgħa twassal messaġġ favur il-ġustizzja soċjali, jiġifieri li wieħed jieħu dak li hu tiegħu bi dritt għax ħaqqu jieħdu. Bernard Grech spjega kif, meta dan ma jseħħx, titnaqqas id-dinjità tal-bniedem, filwaqt li l-bnedmin jispiċċaw jiġġieldu bejniethom u jinħolqu kunflitti soċjali ġodda.
Waqt din l-attività, li saret f’lukanda fil-Mellieħa, kienu rikonoxxuti għall-impenn u l-ħidma tagħhom favur il-ġustizzja soċjali erba’ personalitajiet: il-Professur Carmel Borg, Dr Mary Muscat, Robert Louis Fenech u Monsinjur Victor Grech – li miet ftit tal-jiem ilu. Fl-intervent, tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar lil dawn in-nies u oħrajn għas-sensittività f’ħidmiethom b’risq dawk fil-bżonn.
Il-Professur Carmel Borg hu akkademiku bi preżenza qawwija fl-isfera pubblika, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Ix-xogħol akkademiku u l-attiviżmu soċjali tiegħu huma ffukati fuq ir-relazzjoni bejn l-edukazzjoni, id-demokrazija u l-ġustizzja soċjali.
Robert Louis Fenech ilu attivist għal aktar minn għaxar snin. Għalkemm aktar kuntent jaħdem minn wara l-kwinti, matul dan il-perjodu hu kien fuq quddiem f’kampanji bħal dik għal bidla fit-tmexxija tal-Ħabs. Jaħdem bħala ġurnalist fil-qasam tal-ekonomija u n-negozju.
Personalità oħra li kienet ippreżentata mill-Premju Ġustizzja Soċjali kienet Dr Mary Muscat, għalliema fil-Fakultà tal-Liġi li toffri servizz lill-Qorti bħala Avukat tat-Tfal mal-Qorti tal-Familja u mal-Qorti tal-Minorenni, kif ukoll bħala Avukat tal-Għajnuna. Hi tagħmel parti wkoll mill-Bord ta’ Dar Hosea.
Monsinjur Victor Grech inħatar Delegat tal-Arċisqof għall-Ħidma Soċjali u Karitattiva fil-Knisja, fl-1977. Ftit wara, sar Direttur ta’ Caritas Malta u introduċa s-servizzi soċjali professjonali fl-istituzzjonijiet tal-Knisja. Hu ħalla din id-dinja fil-5 ta’ Frar 2025, fl-età ta’ 95 sena. Il-premju f’dan il-każ ġie ppreżentat lil Anthony Gatt, id-Direttur ta’ Caritas Malta.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil kull min kien involut f’din il-ġimgħa ta’ attivitajiet, filwaqt li x-Shadow Minister Ivan Bartolo ppreżenta wkoll donazzjoni lill-Fondazzjoni OASI, li għall-aħħar 34 sena tat servizz kontinwu ta’ ġustizzja soċjali lis-soċjetà tagħna.
//= $special ?>