Quddiem l-iskandli kollha tal-Ministru Byron Camilleri, jagħżel li jibqa’ jiddefendih.
Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li ma jilqax ir-riżenja tal-Ministru Byron Camilleri tikkonferma kemm pajjiżna għandu Prim Ministru dgħajjef u li tilef kull awtorità morali li jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
Abela qed jagħżel li quddiem l-iskandli kollha li seħħew u għadhom qed iseħħu taħt imnieħer il-Ministru Camilleri, jibqa’ jiddefendih. Bid-difiża tiegħu lil Byron Camilleri, Abela huwa responsabbli wkoll tal-fallimenti kollha tal-Ministru għall-Intern fil-Kabinett tiegħu.
Huwa inkredibbli kif minn taħt imnieħer Camilleri u minn taħt imnieħer Abela jinsterqu 200 kilo droga u qisu xejn mhu xejn. Hu inkonċepibbli kif 200 kilo droga jinsabu f’idejn il-kriminali – minflok miżmuma fejn suppost bħala parti minn kawża kriminali wara li ġew issekwestrati mill-Port Ħieles – u l-Prim Ministru Abela u l-Ministru Camilleri jibqgħu ma jagħmlu xejn.
Waqt li dalgħodu evita li jitkellem dwar dan il-każ xokkanti fil-laqgħa politika tal-Labour tal-Ħadd filgħodu, issa Abela qed jgħidilna li se jitlob inkjesta amministrattiva.
Robert Abela għadu ma qalilniex:
- ta’ min kienet id-droga misruqa,
- liema huma n-nuqqasijiet strutturali li wasslu għal din is-serqa u x’se jagħmel dwarhom,
- x’valur kellha din id-droga fis-suq,
- ma’ liema każ hija relatata din id-droga sekwestrata, u
- x’passi se jieħu issa li nafu li b’dak li ġara nsterqet waħda mill-prova ewlenin f’kawża kriminali.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Ministru Camilleri għandu jirriżenja u jekk jibqa’ ma jagħmilx dan, jitneħħa mill-Prim Ministru, kif għandha titneħħa wkoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern li taħtha seħħew dawn l-iskandli kollha.
Il-PN itenni wkoll is-sejħa li għamel dalgħodu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech biex għada, fl-ewwel okkażjoni, issir seduta parlamentari li matulha tingħata spjegazzjoni u li fiha l-Oppożizzjoni jkollha l-opportunità li tagħmel il-mistoqsijiet u tilob kjarifiki mingħand il-Prim Ministru dwar dan il-każ.
//= $special ?>