Il-Partit Nazzjonalista jinnota bi tħassib serju r-rapporti f’The Shift News dwar ir-rabtiet mill-qrib bejn il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u perit li jidher li ngħata trattament preferenzjali f’kuntratti pubbliċi u permessi kontroversjali inkluż l-involviment tal-istess perit fl-iskandlu tat-triq tan-Nadur li dwarha qed tintalab li isir inkjesta maġisterjali. Dak li ġie żvelat minn The Shift News huwa prova oħra ta’ kif il-Gvern Laburista, flok jagħti każ il-ġid komuni, jibqa’ jippromwovi kultura ta’ abbuż, nepotiżmu u qerq istituzzjonali.
Fi stqarrija Alex Borg ix-Shadow Minister għal Għawdex u Karol Aquilina ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, sostnew li huwa skandaluż li l-Ministru Camilleri nnifsu huwa rreġistrat li jirrisjedi u għandu d-dritt għall-vot fl-indirizz tal-uffiċċju tal-istess perit. Dan iqajjem aktar mistoqsijiet serji dwar il-kunflitt ta’ interess ovvju li għandu l-Ministru Camilleri. Huwa ċar għal kulħadd li jeżistu rabtiet ferm iktar fil-fond bejn il-Ministru Camilleri u l-perit ħabib tiegħu minkejja dak li qed jagħti x’jifhem lill-pubbliku l-Ministru Camilleri.
Huwa tal-mistħija, komplew jgħidu Borg u Aquilina, li filwaqt li qed insiru nafu f’dawn il-fatti serji, Robert Abela u Jonathan Attard qegħdin jippruvaw ibiddlu l-liġi biex joqtlu l-inkjesti maġisterjali, inkluż l-inkjesta diġà mitluba dwar dan il-każ. Il-Partit Nazzjonalista jistenna li Robert Abela u Jonathan Attard jgħidu għalfejn qegħdin jibżgħu mill-ġustizzja u mill-verità. Fl-istess waqt il-Ministru Clint Camilleri għandu jgħid x’qed jaħbi mill-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-ħtieġa għal politika onesta u nadifa, fejn l-istituzzjonijiet jaħdmu favur il-poplu u mhux biex jipproteġu l-politiċi korrotti billi jgħattulhom u jissekondawhom. L-ewwel pass f’din id-direzzjoni għandu jkun li l-Ministru Clint Camilleri jibda jkun onest mal-poplu Malti u Għawdxi u jieqaf joġġezzjona li ssir Inkjesta Maġisterjali.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti biex f’pajjiżna jkollna l-kontabbiltà, il-ġustizzja u l-verità. Il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu Gvern li jaħdem għalih u mhux għal ftit magħżula.
//= $special ?>