Il-ġurnata tat-Tnejn timmarka t-tielet sena minn meta l-qawwiet tar-Russja invadew l-artijiet tal-Ukrajna bħala parti minn offensiva totali kontra l-Gvern tal-President Volodymyr Zelensky ….Offensiva li karatterizzat l-ambizzjonijiet tal-Mexxej Russu Vladimir Putin għal aktar kisbiet territorjali wara li t-truppi tiegħu, fl-2014, kienu ħatfu l-penisola tal-Krimea lill-Ukreni.
Fil-bidu tal-gwerra, Putin ftaħar li l-konflitt kellu jdum biss ‘ġimgħatejn’ u sakemm l-Ukrajna, fi kliemu, tispiċċa ‘liberata minn Amministrazzjoni tan-Nażisti’. Iżda l-pjan marlu żmerċ u bl-Ukeni, bħala poplu sovran u indipendenti, jibqgħu sallum jisfidaw u jirreżistu lill-qawwiet tal-Kremlin fi gwerra li ħalliet ir-riperkussjonijiet madwar l-Ewropa u ‘il hinn minnha.
Matul il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd, ir-Russja wettqet dak li l-osservaturi fissruh bħala l-akbar attakk bid-drones fuq l-Ukrajna tul dawn is-snin ta’ gwerra.
Fil-fatt, il-qawwiet tal-ajru Ukreni qalu li l-militar ta’ Putin kien spara ‘rekord’ ta’ madwar 270 drone lejn pajjiżhom f’attakk koordinat u li ‘ma kellu l-ebda preċedent’ minkejja l-furja u l-intensità kontinwa tal-konflitt.
B’dan l-attakk, ir-Russi mill-ġdid ippruvaw jenfasizzaw li mhumiex se jirtiraw is-suldati mill-Ukrajna qabel il-pajjiż – eks-Repubblika Sovjetika – jispiċċa taħt il-kontroll assolut tal-Kremlin.
U waqt li l-gwerra fl-Ukrajna tidher li riesqa lejn il-fażi deċiżiva, il-President Zelensky, f’dan il-mument iddisprat, appella biex l-Ewropa ma tabbandunax lil pajjiżu. Hu, permezz ta’ stqarrija, sostna, li ‘l-Ukrajna, biex tkompli tirreżisti lil Putin, teħtieġ li jkollha warajha is-saħħa kollettiva tal-Ewropej, tal-Istati Uniti u ta’ kulimin jixtieq li jikkonsolida l-paċi dejjiema.’
L-intensità tal-attakk ‘rekord’ bid-drones fuq l-Ukrajna, sadanittant, kapaċi qed tintroduċi kampanja oħra twila ta’ bumbardamenti konsistenti fuq Kiev u l-ibliet Ukreni oħrajn.
L-Ukreni qalu li rnexxielhom iwaqqgħu xi 140 minn fost il-270 drone sparati lejn arthom – bil-President Zelensky jikkonferma li r-Russja, fi spazju ta’ ftit jiem biss, kienet sparat ‘il fuq sew minn 1,500 drone — minbarra l-mijiet tal- bombi u missili lejn pajjiżu.
Ir-residenti fi Kiev, il-kapitali Ukrena, fi tmiem il-ġimgħa, kellhom isegwu numru akbar mis-soltu ta’ allerts dwar l-attakki mill-ajru. Dam meta l-attakki bid-drones jibqgħu tattika favorita tar-Russja biex tintimida lill-poplu Ukren u biex il-President Zelensky jċedi għall-pressjoni u jiffirma trattat ta’ paċi li jiffavorixxi kompletament lill-Kremlin.
U waqt li l-ġlied qed ikompli fuq il-fronti tal-gwerra fl-Ukrajna, il-poplu ta’ dan il-pajjiż mhux jemmen fl-istqarrijiet tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, li qed jinsisti li Vladimir Putin ‘irid tassew il-paċi’.
Il-Ministru Ukren għall-Affariajiet Barranin, Andrii, Sybiha, fil-fatt, qal li l-assedju bid-drones fuq Kiev u l-bliet oħrajn ta’ pajjiżu ‘juri biċ-ċar li l-isforzi ta’ xi mexxejja biex ma jirreferux għar-Russja bħala l-aggressur ma jibdlux il-fatt li l-Kremlin jemmen fl-istrateġiji ta’ aggressjoni minbarra li hu preparat dejjem biex iwettaqhom’.
Il-Ministru sostna li r-Russja, f’lejliet it-tielet anniversarju tal-gwerra, ‘għamlitha punt’ biex twettaq attakk kbir u faħxi ieħor fuq iċ-ċivili u l-infrastruttura kritika tal-Ukrjna u li, illum,wieħed ‘għandu jiġġudika lil Vladimir Putin bl-azzjonijiet tiegħu u mhux minn kliemu’.
//= $special ?>