The Shift News żvela kif direct order ta’ €722,000 li ngħata mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri ingħata lill-perit Godwin Agius – perit li mhu ħadd ħlief ħabib tal-qalba tal-Ministru Camilleri nnifsu.
Dan id-direct order ngħata għal proġett fin-Nadur li sewa l-miljuni ta’ ewro sabiex tranġat triq partikolari.
L-ittri mingħand il-perit inħarġu mill-uffiċċju tiegħu f’Għawdex GA&A – Godwin Agius and Associates, li jinsab fi Triq Cicciano, in-Nadur.
U wieħed jistaqsi – x’differenza tagħmel liema uffiċċju intuża biex saru l-komunikazzjoni b’rabta ma’ dan il-proġett? Ir-risposta hija sempliċi: għaliex il-Ministru Clint Camilleri kien propju jservi bħala perit f’dan l-istess uffiċċju qabel ġie elett Ministru.
U agħar minn hekk, l-aħħar reġistru elettorali aġġornat l-aħħar fl-2024 juri li Camilleri għandu r-residenza tiegħu rreġistrata fuq dan l-uffiċċju ta’ Godwin Agius.
Mistoqsijiet b’rabta ma’ dan kollu mibgħuta minn TheShifs lill-Ministru Camilleri qatt ma ġew imwieġba.
Fl-aħħar ġimgħat, l-NAO kien żvela kif Agius huwa nvolut f’dan il-proġett li ġie jiswa lil pajjiżna miljuni ta’ ewro. Fil-fatt, apparti li Agius ħa preċiżament €721,511 għas-servizzi tiegħu wara li tqabbad mill-Ministeru ta’ Clint Camilleri, dan l-istess proġett ġie jiswa €10 miljuni IKTAR minn kemm kien stmat li se jiġi jiswa dan it-tender.
Dan kollu meta għadna ma nafux, għaliex Clint Camilleri qed jagħżel li jibqa’ sieket, x’kuntratti u direct orders oħra ta lil Godwin Agius mindu ħa f’idejh it-tmexxija tal-Ministeru għal Għawdex.
Clint Camilleri u Godwin Agius ilhom jafu lil xulxin is-snin. Huma kienu jaħdmu flimkien fl-istess kumpanija, li hi tal-eks Ministru Laburista, Charles Buhagiar. Dan apparti li Agius ilu sew involut fil-Partit Laburista tant li anke serva bħala aġent tal-Partit fil-counting hall matul diversi elezzjonijiet.
U mindu l-Partit Laburista beda jmexxi lil pajjiżna mill-2013, l-istess Agius ngħata diversi xogħlijiet mal-Gvern, fosthom fi ħdan l-Enemalta u Engineering Resources Limited.
L-iktar biċċa xogħol riċenti li ngħata kien mill-Ministru Miriam Dalli f’kuntratt ta’ €150,000 għall-proġett f’Birżebbuġa.
U dak tan-Nadur ma kienx l-uniku direct order f’Għawdex, tant li fl-aħħar snin ngħata għadd ta’ proġetti waqt li qed iservi bħala full-time senior project manager fi ħdan Gozo Regional Development Authority; awtorità li tinsab fir-Rabat Għawdex. Dan minkejja li Godwin Agius ma jgħix f’Għawdex.
//= $special ?>