Andrè Muscat
ŻABBAR ST. PATRICK………….. 0
BIRKIRKARA………. 3
Żabbar St. Patrick: L. Camilleri, J. Micallef (S. Gatt 75’), W. Felix, A. Gambarte, S. Ilic (D. Souza 46’), J. Pisani, J. Tavares (G. Zammit 84’), S. Jovancic, V. De Paiva, K. Keqi (L. Micallef 81’), M. Santos (J. De Sa Mendonca 76’)
Birkirkara: G. Volpe, M. Morello, A. Sandona, A. Da Paixao (K. Reid 60’), P. Mbong (P. Gaitan 78’), A. Satariano (N. Cross 87’), L. Lautaro, N. Micallef, A. Coppola, S. Donovan, M.Maia
Skorjaw: M. Maia 34’, 60’ (B), L. Lautaro 72’ (B)
Imwissija: A. Satariano 20’ (B), K. Keqi 65’ (ZSP), M. Maia 77’ (B)
Referee: Trustan Farrugia Cann
Assistenti Referees: Luke Portelli u Mark Ciantar
360 Sports Plejer tal-Logħba: Maxuell Maia (Birkirkara)
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Maxuell Maia (Birkirkara)
F’konfront mill-isbaħ fit-Tony Bezzina Stadium bejn Żabbar St. Patrick u Birkirkara, ikun it-tim tal-Wied b’mod meritat li ħadu l-punti massimi minn dan il-konfront.
L-ewwel azzjoni tal-partita waslet wara kwarta logħob, is-Serb ta’ Żabbar Ilic mix-xellug b’mod personali jiġbed il-ballun lejn in-nofs, biex minn pożizzjoni diffiċli jfajjar xutt li spiċċa ftit barra mil-lasta Karkariża.
Jerġgħu jkunu l-Yellows viċin li jiftħu l-iskor, meta xutt wara azzjoni personali ta’ Gambarte fl-20 minuta tispiċċa tgħaddi ftit barra mill-wieqfa ta’ Giacomo Volpe.
Kontra x-xejra tal-logħob Birkirkara jiftħu l-iskor fl-34 minuta minn corner mix-xellug ta’ Da Paixao li jsib lil Sandora li d-daqqa tar-ras tiegħu tkun salvata b’diffikultà minn Luca Camilleri, bil-ballun jispiċċa f’saqajn l-attakkant Maxuell Maia, li fost il-konfużjoni quddiem il-goalkeeper Żabbari jfajjar xutt biex tefa’ l-ballun fix-xibka u lit-tim tiegħu fil-vantaġġ.
Fil-ħin mogħti żejjed f’din l-ewwel taqsima, ikun freekick dirett ta’ Coppola li jaħbat mal-ħajt Żabbari li kellu quddiemu, bil-ballun jispiċċa barra għall-corner favur il-Karkariżi.
F’taqsima mill-aktar movimentata, biż-Żabbarin sal-goal ikunu xi ftit aħjar mill-avversarji tagħhom Birkirkara, mat-tisfira tat-tmiem l-ewwel taqsima jkun it-tim tal-Wied li daħal jistrieħ b’vantaġġ minimu ta’ 1-0.
Birkirkara għal darba oħra viċin li jirduppjaw wara 4 minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, mix-xellug corner indirizzat dirett fil-lasta taż-Żabbar minn Da Paixao jsib lil Bonilha fil-post ideali u bir-ras minn fuq il-linja tal-gowl itajjar kull periklu u jżomm lit-tim Żabbari fil-partita.
Fid-59 minuta Farrugia Cann isaffar għall-penalty favur Birkirkara, wara li Luca Camilleri l-goalkeeper Zabbari waqa’ lil Maxuell Maia fil-kaxxa l-kbira. Kien l-istess attakkant Maia li nkariga ruħu mill-11-il metru, bil-Brażiljan ma żbaljax u rdoppja għall-Karkariżi kif ukoll skurja doppjeta personali fil-partita.
Birkirkara jagħmluhom tlieta fit-72 minuta, cross fil-baxx mil-lemin ta’ Neil Micallef lejn Lacunza, bl-Arġentinjan ta’ Birkirara minn pożizzzjoni angolata jdur bil-ballun u xutt bil-mod tiegħu jispiċċa fix-xibka wara Luca Camilleri.
Minuta bogħod mid-disgħin minuta jkun freekick mix-xellug ta’ Gaitan għal Birkirkara, fejn issib lill-goalkeeper Żabbari attent u jtajjar il-ballun mil-lasta tiegħu.
Birkirkara baqgħu jiddefendu l-vantaġġ fuq Żabbar St. Patrick ta’ 3-0 sat-tisfira finali tar-referee Trustin Farrugia Cann, biex ħarġu mill-grawnd bit-tliet punti u telgħu jaqsmu t-tieni post ma’ Marsaxlokk u Hibernians rispettivament, bi 12-il punt fil-klassifika ġenerali.
//= $special ?>