Basketball Sport

Finali bejn Starlites JSD u Hibernians

Ritratt: Stephen Christopher Vella

Bank of Valletta Knock-Out Irġiel

Colin Schembri

Wara żewġ semi-finali missielta u f’xi waqtiet spettakolari, se jkunu il-holders Starlites JSD u Hibernians li se jikkonestaw il-finali tal-Bank of Valletta Knock-out ta’ dan l-istaġun. Din il-finali tintlagħab il-Ħadd li ġej fit-3:30 ta’ wara nofsinhar.

Starlites JSD 90

Luxol Sherries Estates 81

(19-21)(32-17)(23-20)(16-23)

Starlites JSD kisbu d-dritt li jiddefendu l-unur li rebħu għal dawn l-aħħar sentejn meta fl-ewwel semi-finali tal-Bank of Valletta Knock-out għelbu lil Luxol Sherries Estates 90-81.Ir-rebħa ta’ Starlites kienet meritata hekk kif huma kienu fuq quddiem għal total ta’ 35 minuta u kellhom vantaġġ massimu ta’ 21 punt fit-tielet sessjoni. Luxol gawdew vantaġġ tul l-ewwel sessjoni fejn wara trippla ta’ Matthew Scerri għal Starlites, kien hemm seba’ punti minn Luxol bi trippla ta’ Nathan Xuereb. Ir-risposta ta’ Starlites waslet b’run ta’ 12-2 bi trippli minn Ian Felice Pace u Ben Curran biex marru 15-9 minn fuq. Wara time-out Luxol ġew lura b’punti minn Caleb Mccrary u trippla ta’ Adam Azzopardi biex temmew l-ewwel sessjoni 21-19 minn fuq. It-tieni taqsima fetħet bil-punti ta’ Starlites fosthomm minn Scerru Trevib Reddish biex reġgħu marru fuq quddiem 32-25. Wara punti għal Luxol minn Darron Howard u Mccrary, Starlites kellhom tlett trippli minn Miguel Fabri u Ian Delice Pace biex fetħu vantaġġ ta’ 13 -il punt 45-32. Luxol ippruvaw jirkupraw permezz ta’ Howard u Xuereb flimkien ma’ trippla ta’ Nikola Djakovic però Starlites kienu għadhom fuq quddiem 51-38.

Wara l-intervall Luxol tħabtu biex jerġgħu jidħlu fil-partita meta kellhom sensiela ta’ punti minn Vukassin Jandric fosthom trippla u waslu sa’ seba’ punti ‘l bogħod mill-avversarji 50-57. Hawn wasal l-aqwa mument minn Starlites hekk kif għamlu run ta’ 17-3 b’diversi punti minn Kurt Xuereb flimkien ma’ Reddish u Felice Paceu fetħu vantaġġ massimu ta’ 21 punt 74-53. Luxol għamlu l-aħħar 5 punti tal-perjodu għal skor ta’ 74-58. Luxol għamlu 5 punti oħra fil-bidu tal-aħħar taqsima u naqqsu d-distakk għal 11 -il punt. Scerri u Curran bi trippla wieġbu mill-ġdid għal Starlites però Luxol komplew jitħabtu u trippli ta’ Xuereb u Azzopardi ħallewhom 8 punti minn taħt. Għal darb’oħra Scerri bi trippla kabbar il-vantaġġ għal Starlites li baqgħu jikkontrollaw sal-aħħar biex rebħu l-partita 90-81.

Starlites JSD:  B. Curran 23, S. Aquilina, A. Aquilina , K. Fabri, I. Felice Pace 17, M. Fabri 3, M. Scerri 14, C. Paul 5, K. Xuereb 10, N. Sultana, A. Sultana, T. Reddish 18.

Luxol Sherries Estates: D. Howard 17, A. Azzopardi 10, I. Azzopardi, V. Jandric 8, JP Schembri, N. Xuereb 17, N. Bukva 4, C. Jones Mccrary 16, M. Matijevic, S. Cappello 2, N. Djakovic 7.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Nicky Azzopardi, Wendel Lim

Hibernians 91

Sigma Depiro 77

(19-15)(18-21)(27-24)(25-17)

Hibernians kisbu rebħa fit-tieni semi-finali kontra Sigma Depiro biex issa jikkontestaw il-finali tal-BOV Knock Out kontra Starlites JSD. L-iskor finali ta’ 91-77 jirrifletti wirja qawwija fost l-oħrajn minn Tederick Wolfe u Ivan Demcesen, li mexxew lil Hibs b’saħħa fuq iż-żewġ naħat tal-court. Depiro, immexxija minn Brandon Porter u Dominic Tomasi, ippruvaw iżommu r-ritmu iżda sfaw megħluba minn pressjoni kontinwa speċjalment fl-aħħar taqsima. Hibernians bdew b’mod aggressiv, jaqbżu 4-0 f’inqas minn minuta permezz ta’ fast breaks ta’ Wolfe u Derek Brown. Madanakollu, Depiro wieġbu malajr b’Tomasi li skorja 5 punti konsekuttivi, inkluż three-pointer li poġġihom fuq quddiem 7-4. Wolfe wieġeb b’żewġ three-pointers konsekuttivi li reġgħu poġġewhom fuq quddiem 12-9. It-taqsima kienet bilanċjata iżda Hibs żammew vantaġġ żgħir ta’ 19-15 grazzi għal wirja difensiva ta’ Demcesen, li skorja wkoll 4 punti importanti. Fit-tieni sessjoni, Depiro bdew b’momentum pożittiv u ħadu l-vantaġġ 23-22 grazzi għal Porter li kien qiegħed jaħdem tajjeb fit-transizzjoni. Cornelius żied il-vantaġġ għal 25-22 b’layup minn turnover. Hibernians ma ċedewx u Demcesen żammhom fil-logħba b’punti fiż-żona b’Wolfe ikompli jagħti kontribut importanti, inkluż b’dunks mill-isbaħ li qajjem lill-partitarji fuq saqajhom fl-aħħar sekondi. Minkejja l-isforzi ta’ Hibs, Depiro rebħu t-taqsima 21-18, u tmiem l-ewwel taqsima kienet 36-37 favur Hibs.

Fit-tielet taqsima l-partita baqgħet kompetittiva hekk kif iż-żewġ timijiet bdew jaqsmu l-vantaġġ. Wolfe kompla bil-wirja spettakolari b’diversi alley-oops u dunks biex kabbar il-vantaġġ għal 47-40. Madanakollu, Depiro kellhom it-trippli ta’ Tomasi biex naqqsu d-distakk għal 55-48. Demcesen ikkontribwixxa fuq in-naħa offensiva hekk kif Hibs rebħu t-taqsima 27-24, u daħlu għall-aħħar waħda fuq quddiem 64-60. Hibernians fetħu l-aħħar sessjoni b’run deċisiva ta’ 13-0, immexxija minn Wolfe li skorja 5 punti konsekuttivi inkluż  trippla flimkien ma’ Brown. Depiro għamlu sforz biex jerġgħu jidħlu fil-logħba permezz ta’ Porter u trippla ta’ Tomasi u rnexxielhom jagħqqdu break ta’ 10-2 però xorta kienu għadhom 8 punti minn taħt 75-83. Hibs għalqu l-partita bil-punti ta’ Brown u Demcesen fost il-ferħ tal-partitarji tagħhom hekk kif nhar il-Ħadd jiltaqgħu kontra Starlites f’finali mistennija ħafna.

Hibernians: N. Cassar 2, T. Wolfe 44, D. Brown 16, P. Attard, L. Farrugia 3, V. Kustodija, A. Axiaq 2, M. Gouder, M. Attard, M. Mallia, I. Demcesen 24, S. Simic.

Sigma Depiro: S. Galea 2, D. Bugeja 11, N. Bozovic 2, N. Zivkovic, L. Stefanovic, A. Trapani, D. Tomasi 19, B. Porter 31, M. Brincat, C. Cornelius 12, M. Debattista.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Miguel De Flavia