Lokali

F’nofs kriżi: Jonathan Attard inaqqas il-fiduċja

Wara ġimgħat sħaħ jiddefendi ir-riforma fl-Inkjesti Maġisterjali, li kienet kritikata mill-Kamra tal-Avukati, mill-GĦSL, il-Malta Employers, iċ-Chamber of SMEs u anka Imħallfin Emeriti….Jonathan Attard kiseb wieħed mill-agħar riżultati fi stħarriġ li jkejjel il-fduċja fost il-Ministri.

Is-survey  kejjel kemm il-poplu Malti u Għawdxi għandu fiduċja fil-Ministri minn 1 sa 10. Bil-Ministru Jonathan Attard jikseb biss punteġġ ta’ 5.07.

Fl-aħħar postijiet fl-opinjoni pubblika, insibu il-Ministru Għawdxi, Anton Refalo – magħruf iktar għall-misteru tal-ġebla storika li kien żamm viċin il-pool tiegħu.

Ministru ieħor li kiseb biss ftit aktar min-nofs tal-punti kien ukoll Ministru Għawdxi,  bla sorprizi ta’ xejn il-Ministru Clint Camilleri – li Robert Abela żammu miegħu fil-Kabinett.

F’Novembru tas-sena li għaddiet, il-mara tal-Ministru Clayton Bartolo baqgħet isservi bħala assistenta personali tiegħu meta suppost kienet impjegata mal-Ministeru ta’ Clint Camilleri. U f’rapport tal-Kummissarju tal-Istandards kienu ġew ikkundannati kemm Bartolo kif ukoll Camilleri.

B’punteġġ ta’ 5.31 hemm il-Ministru Roderick Galdes; Ministru  li l-poplu wkoll ma nessiex li kien ħati ta’ Frodi Elettorali fis-Siġġiewi. Dan hekk kif inqalbu karti tal-identita ta’  99 persuna fuq blokka ġdida vojta ta’ housing soċjali fis-Siġġiewi, li kienu għadhom mhux lesti biex jgħixu n-nies fihom.

Fl-istess survey, il-Ministru Chris Bonnet kiseb 5.38, u l-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi kiseb 5.48.

Intant, wara r-rapport tal-Ombudsman dwar il-ħabs, wara r-racket tal-Identita, u wara r-rapporti dwar il-LESA… il-MInistru  Byron Camilleri  spiċċa kiseb punteġġ ta’ 5.54 minn 10 – biex b’hekk għadda l-eżami bi żbrixx.