Internazzjonali

Franza: ‘L-ebda dubju’ li l-attakk tas-Sibt f’Mulhouse kien wieħed terroristiku

L-awtoritajiet Franċiżi, fl-aħħar sigħat, fetħu inkjesta rigward każ ieħor ta’ terroriżmu fil-pajjiż wara li raġel armat b’sikkina qatel persuna u darab ħames uffiċjali tal-pulizija waqt attakk sfrenat, fil-belt ta’ Mulhouse.

Dritt wara l-attakk tas-Sibt, il-pulizija żammet lir-raġel – ta’ nisel Alġerin – taħt arrest, bl-investigazzjonijiet dwar il-fattur terroristiku jibdew minnufih. Dan wara li l-aggressur kien għajjat il-kliem ‘Allahu Akbar’ waqt li kien qed jaggredixxi lil kulmin inzerta quddiemu.

F’dan l-attakk inqatel raġel Portugiż li prova jintervjeni u jikkontrolla s-sitwazzjoni, b’talanqas żewġ uffiċjali tal-pulizija jispiċċaw feruti serjament waqt il-konfront mal-aggressur.

L-attakk seħħ fl-inħawi ta’ suq attiv, mhux ‘il bogħod mill-fruntieri tal-pajjiż mal-Ġermanja u l-Iżvizzera. Intant, l-uffiċjali tal-pulizija li wieġbu għall-emerġenza, qabel, kienu qed isegwu dimostrazzjoni fl-inħawi favur ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Sar magħruf, fl-aħħar sigħat,. li l-arrestat kien qiegħed taħt direttiva ta’ deportazzjoni minħabba suspettati rabtiet mal-entitajiet terroristiċi – tant li hu kellu ismu fuq ‘watch list’ speċifiku.

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, sadanittant, tkellem dwar il-każ fejn qal li ‘mhemm l-ebda dubju li l-azzjoni f’Mulhouse għandha titqies bħala attakk terroristika ta’ element Iżlamiku’. Hu wiegħed ukoll li l-Gvern tiegħu se jkompli jistinka biex jelimina t-theddida tat-terrur fl-artijiet tiegħu