Internazzjonali

Il-Ġermanja: Jivvutaw fl-aktar elezzjoni sinifikanti mit-Tieni Gwerra ‘il hawn

Il-poplu fil-Ġermanja qed jivvota fl-aktar elezzjoni ġenerali importanti mit-Tmiem tat-Tieni Gwerra ‘il hawn….Elezzjoni li għandha tħalli impatt  anki fuq livell Ewropew  fid-dawl tat-theżżiż politiku sinifikanti li qed jaħkem bħalissa madwar il-kontinent….L-elezzjoni hi wkoll waħda bikrija xhur wara li kienet sfaxxat il-Koalizzjoni tat-tlett partiti u meta l-ewwel indikazzjonijiet dwar il-vot mistennija li joħorġu minn ħin għall-ieħor.

L-indikazzjonijiet kollha, għalissa, huma li l-Partit SPD tal-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz għandu jsofri disfatta elettorali u fi żmien meta l-Ġermanja qed tikkonfronta l-isfidi kbar  fi żmien partikularment delikat….Dan ukoll meta l-Partit estremista tal-lemin Alternativ fur Deutschland – jew AfD – għandu jikseb appoġġ akbar mis-Soċjali Demokratiċi ta’ Scholz u li jgħinu biex jikkonsolida postu bħala t-tieni l-akbar forza fil-Ġermanja.

Sadanittant, Friedrich Merz, il-politiku konservattiv u Chairman tal-Partit CDU, jibqa’ il-favorit li jilħaq Kanċillier ġdid tal-Ġermanja. Merz, illum, qed jinsisti li bl-ebda mod mhu lest biex jidħol f’xi koalizzjoni mal-AfD ‘il quddiem u f’każ li jkun fil-pożizzjoni li jifforma Gvern b’mod uffiċjali.

Fl-istess ħin, mhux eskluż li s-CDU — jekk, jikkonferma ruħu bħala l-akbar partit fil-Ġermanja — jipprova għal koalizzjoni mal-SPD ta’ Scholz li mistenni jispiċċa bħala t-tielet forza politika….Is-CDU u l-SPD dejjem kienu rivali politiċi tradizzjonali iżda fid-dawl taċ-ċirkustanzi, huma jistgħu jiddeċiedu biex jibnu front sod kontra l-AfD….Partit li fost oħrajn qed jippromwovi politika kontra l-immigrazzjoni u li jħaddan ukoll l-elementi neo-Nażisti fi ħdanu.

Bejn 59 u 60 miljun Ġermaniżi huma eliġibbli biex jivvutaw f’din l-elezzjoni u meta l-istħarriġ minn Berlin, dalgħodu, indika li madwar 20 fil-mija tal-elettorat kienu għadhom indeċiżi dwar min kellhom jafdaw bil-vot.

Dan ukoll għaliex il-Ġermaniżi jafu li l-għażla tal-Gvern se tħalli impatt akbar mis-soltu fuq ħajjithom peress li pajjiżhom, taħt it-tmexxija ġdida, irid bilfors jieħu d-deċiżjonijiet kbar u sinifikanti mhux biss fuq livell domestiku iżda anki internazzjonali – fosthom l-issue tal-Ukrajna.

Il-Ġermanja hi l-akbar ekonomija minn fost l-Istati kollha tal-Unjoni Ewropea iżda aktar mill-issues politiċi, f’din l-elezzjoni qed jispikka anki l-indħil mill-personalitajiet ewlenin fil-Gvern tal-Istati Uniti, immexxi mill-President DonaldTrump.

Fil-fatt, fil-jiem ta’ qabel l-elezzjoni, il-biljunarju Elon Musk, li sar l-aktar bniedem influwenti fil-Gvern ta’ Trump, ħareġ bil-miftuħ jappoġġja lill-AfD fost il-kummenti dispreġjattivi għall-Kanċillier Scholz – anki fuq livell personali.

Musk iġġenera rabja kbira fost il-partiti tradizzjonali fil-Ġermanja meta, qabel l-elezzjoni, ikkummenta ċar u tond li l-elettorat għandu jqis lill-AfD bħala l-partit li jrid imexxi pajjiżu fit-triq tas-salvazzjoni. Dan waqt li Musk – li hu qrib ħafna ta’ Alice Weidel, iċ-Chairwoman tal-AfD —  kompla jħeġġeġ biex il-Ġermaniżi jafdaw lill-estremisti tal-lemin bil-vot tagħhom bħala parti minn kampanja personali biex hu jinfluwenza anki l-politika tal-akbar Stati fl-Ewropa.

Anki l-Viċi-President Amerikan, JD Vance, fl-aħħar ġranet, ikkritika lill-Mexxejja tal-Ġermanja minħabba li, fi kliemu, kienu qed iżommu lill-AfD lura minn sehem fl-amministrazzjoni tal-Ġermanja.

Sadanittant, l-issue tal-immigrazzjoni superat anki l-issue tal-ekonomija fil-Ġermanja  meta fl-aħħar ġimgħat, seħħew numru ta’ attakki qattiela fuq iċ-ċivili minn aggressuri barranin li kienu marru fil-pajjiż biex isibu kenn politiku.