Il-Partit CDU ta’ Friedrich Merz se jkun l-akbar forza politika fil-Ġermanja wara li l-poplu vvota fl-aktar elezzjoni ġenerali importanti mit-tmiem tat-Tieni Gwerra ‘il hawn… Elezzjoni li għandha tħalli impatt anki fuq livell Ewropew, fid-dawl tat-theżżiż politiku sinifikanti li qed jaħkem bħalissa madwar il-kontinent.
L-ewwel żewġ exit polls taw vantaġġ ‘insuperabbli’ lid-Demokratistjani (CDU) fl-Oppożizzjoni u meta, bħalma kien mistenni, iddiżappuntaw bis-sħiħ is-Soċjali-Demokratiċi tal-SPD, taħt it-tmexxija ta’ Olaf Scholz, li se jispiċċa minn Kanċillier tal-Ġermanja.
B’hekk, Friedrich Merz se jkun f’pożizzjoni biex jifforma Gvern ġdid fil-ġranet li ġejjin għalkemm mhux ċar jekk hu jirnexxilux jifforma koalizzjoni ma’ partit wieħed biss…Dan il-partit x’aktarx li jkun proprju l-SDP; partit tradizzjonali ieħor li, l-istess bħas-CDU, ma jikkunsidrax li jidħol f’koalizzjoni mal-Partit Alternativ fur Deutschland(AfD) tal-estremisti tal-lemin.
Intant, kollox jiddependi minn jekk partit ieħor, minbarra s-CDU, l-SPD u l-AfD jirnexxilux jikseb rappreżentanza fil-Bundestag (Parlament) ladarba joħroġ ir-riżultat uffiċjali.
Intant, hu wkoll indikattiv li l-Partit AfD – li jopponi l-immigrazzjoni u li jibbaża wkoll fuq ideoloġija neo-Nażista – se jkun it-tieni l-akbar partit fil-Ġermanja minflok l-SPD ta’ Scholz.
L-AfD, erba’ snin ilu, kien kiseb biss 10.4 fil-mija biss tal-vot nazzjonali u meta l-estremisti tal-lemin, issa, mistennija jiksbu bejn 19.5 u 20 fil-mija tal-vot nazzjonali – dejjem skont l-exit polls. Qed jidher ukoll li l-messaġġ tal-AfD intlaqa’ mill-miljuni tal-votanti residenti fil-Punent u l-Lvant tal-Ġermanja li qegħdin jinkwetaw dwar il-futur ta’ pajjiżhom.
L-indikazzjonijiet kollha qabel l-elezzjoni kienu wkoll li l-SPD u Scholz kienu se jsofru disfatta ‘notevoli’ u fi żmien meta l-Ġermanja qed tikkonfronta l-isfidi kbar fi żmien partikularment delikat.
Sadanittant, Friedrich Merz qed jinsisti li bl-ebda mod mhu lest biex jidħol f’xi koalizzjoni mal-AfD ‘il quddiem. U waqt li s-CDU u l-SPD dejjem kienu rivali politiċi tradizzjonali, huma, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, għandhom jiddeċiedu biex jibnu front sod kontra l-AfD….
Bejn 59 u 60 miljun Ġermaniżi kienu eliġibbli biex jivvutaw f’din l-elezzjoni u meta l-poplu kien jaf li l-għażla tal-Gvern se tħalli impatt akbar mis-soltu fuq ħajtu. Dan peress li pajjiżu, taħt it-tmexxija ġdida, irid bilfors jieħu d-deċiżjonijiet kbar u sinifikanti mhux biss fuq livell domestiku iżda anki internazzjonali – inkluż l-issue tal-Ukrajna.
Fl-aħħar ħinijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, bagħat messaġġ lil Friedrich Merz li fih feraħ lilu u lill-Partit CDU għal dan is-suċċess elettorali.
//= $special ?>