Folol ta’ eluf kbar attendew il-funeral ta’ Hassan Nasrallah, l-eks-Kap tal-grupp Heżbollah tal-milizji Xiti, li spiċċa maqtul f’Settembru waqt attakk mill-ajru li l-Iżraeljani kienu wettqu fuq il-qalba ta’ Bejrut.
In-nies, lebsin l-iswed, imlew is-stadium ta’ Camille Chamnoun, fil-limiti tal-kapitali Lebaniża, biex jagħtu din it-tislima lil Nasrallah li kien fost l-akbar għedewwa ta’ Iżrael u li l-Punent kien anki jirreferi għalih bħala terrorista. Il-folla kienet tinkludi ċivili, flimkien mal-membri tal-ogħla tmexxija tal-Ħeżbollah li llum tilef ħafna mill-kapaċitajiet militari wara l-gwerra tas-sena l-oħra ma’ Iżrael.
Il-folol sellmu anki lil Hashem Safieddine, is-suċċessur ta’ Nasrallah, li wkoll kien inqatel waqt attakk ieħor tal-Iżraeljani u qabel laħaq ħa r-riedni tal-Ħeżbollah,.
Hassan Nasrallah kien dam is-snin fost l-aktar personalitajiet influwenti fil-Lvant Nofsani u meta kien ukoll alleat kbir tal-Iran fundamentalista. Hu minnu wkoll li Nasrallah – li għadu sallum meqjum mis-sostenituri tal-Ħeżbollah – kien strumentali għall-iżvilupp tal-grupp bħala qawwa politka u militari.
Sadanittant, il-qawwiet tal-ajru tal-Iżraeljani, proprju fil-jum tal-funeral, wettqu numru ta’ attakki fuq is-siti tal-missili tal-Heżbollah fin-Nofsinar tal-Libanu u liema missili għadhom puntati lejn Iżrael.
//= $special ?>