Atletika Sport

Il-Marokkin Aziz Ait Ourkia jirbaħ l-40 edizzjoni tal-Lifestar Malta Marathon

Il-Marokkin Aziz Ait Ourkia rebaħ l-40 edizzjoni tal-Lifestar Malta Marathon li saret il-Ħadd filgħodu bir-rotta titlaq mill-Imdina u tintemm f’ Tas-Sliema. Jemina Farley temmet l-ewwel fost il-parteċipanti femminili li ħadu sehem fil-Maratona ta’ Malta. Għal Ourkia, li għadu kif kiseb suċċess ukoll fin-nofs maratona ta’ Marrakech, din kienet l-ewwel maratona li rebaħ fuq distanza ta’ aktar minn 42 kilomteru. Air Ourkia rebaħ il-maratona b’ħin ta’ 2:15:22 fejn daħal qabel il-kompatrijott Moussab Hadoutl, li temm b’ħin ta’ 2:15:35, kif ukoll qabel it-Taljan Lhoussaine Oukhrid li temm b’ħin ta’ 2:16:13. L-ewwel Malti li temm it-tellieqa kien Charlton Debono, li temm fis-sitt post overall, b’ħin ta’ 2:29:21, b’Andrew Grech itemm fis-seba’ post, b’ħin ta’ 2:30:58.

Ir-rebbieħ Ait Ourkia stqarr li kien jinsab kuntent immens filwaqt li wkoll sorpriż li rnexxielu jirbaħ, fejn faħħar ukoll ir-rotta u l-organizzazzjoni tal-Maratona.

Fost il-parteċipanti femminili, dominju assolut mill-Iskoċċiża residenti Malta, Jemima Farley, li rebħet din il-maratona għat-tielet sena konsekuttiva, b’ħin ta’ 2:35:50. Fit-tieni post, u l-ewwel fost l-atleti Maltin, daħlet Josann Pulis Attard b’ħin ta’ 2:59:42, qabel il-Pollakka Iweta Adamczyk li temmet b’ħin ta’ 3:03:22.

Fost il-parteċipanti kien hemm ukoll Richard Whitehead, champion parlimpiku kemm f’Londra kif ukoll f’Rio, li temm fit-22 post overall b’ħin ta’ 2:46:41. Wara l-maratona hu stqarr li r-rotta kienet waħda eċċellenti filwaqt li rringrazzja lill-poplu Malti li tawh is-sapport tagħhom matul it-tmiem tal-maratona.

Fin-nofs maratona, l-Pollakk Filip Janczak temm fl-ewwel post b’ħin ta’ 1:09:45, filwaqt li fit-tieni post temm il-Malti Mark Herrera b’ħin ta’ 1:09:55 li għeleb lil Tommy Wallbank fi sprint, li daħal b’ħin ta’ 1:09:56. Fost il-parteċipanti femminili kien l-Ungeriża Edit Filo li temmet fl-ewwel post b’ħin ta; 1:21:25 qabel Jelena Ivkovic u Isabella Natalie, b’ħinijiet ta’ 1:21:43 u 1:22:43 rispettivament. Fost il-Maltin u fir-raba’ post overall temmet Rosalie Borg Cauchi b’ħin ta’ 1:22:47.

Fl-edizzjoni ta’ din is-sena ġiet introdotta wkoll it-tellieqa tal-5 kilometri li ntrebħet mill-Ispanjol Jonatan Dominguez b’ħin ta’16:03 fil-kategorija tal-irġiel, filwaqt li l-kategorija femminili ntrebħet minn Luisana Dos Ramos b’ħin ta’ 19:50. Id-direttur tat-telliqa Joe Micallef, stqarr li kienet xi ħaġa pożittiva li żdied l-interess fil-Maratona ta’ Malta bil-parteċipazzjoni tal 5,100 atleta, li kellha wkoll numru rekord ta’ atleti barranin. L-akbar grupp ta’ atleti barranin kien dak tal-Ġermanja, segwiti mill-Pollakki u t-Taljani. Il-Maratona ta’ Malta din is-sena kienet inkluża wkoll fost l-aktar 12-il maratona elite, mill-magazine popolari Forbes.